Fil-Jum Nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Awstrija, il-President ta’ Malta George Vella spjega li ż-żewġ pajjiżi huma magħquda b’valuri demokratiċi sodi, rispett inerenti għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u impenn u ħerqa dejjiema għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Huwa nnota b’sodisfazzjon li Malta qiegħda tkompli tattira aktar studenti tal-lingwa Ingliża mill-Awstrija, li proprju qegħdin jagħżlu dawn il-gżejjer sabiex ikomplu jkabbru l-kapaċitajiet lingwistiċi tagħhom. Innota wkoll b’sodisfazzjon kif l-influss ta’ turisti li waslu f’pajjiżna mill-Awstrija qabeż saħansitra l-livelli ta’ qabel il-pandemija.
“Nantiċipa u nittama li żviluppi pożittivi bħal dawn jinżammu u jissaħħu, għall-benefiċċju tal-pajjiżi tagħna,” tenna l-President.
Huwa tkellem ukoll dwar il-gwerra fl-Ukrajna u anke l-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Kien hawn fejn insista li l-ebda paċi ma tista’ tinkiseb bil-vjolenza, u li taħditiet serji ta’ paċi b’intenzjonijiet tajba huma l-unika soluzzjoni. Saħaq li Malta se tibqa’ impenjata li tippromwovi pjattaformi għal djalogu paċifiku.
Il-President ħa l-opportunità li jsellem sena oħra eċċellenti ta’ relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u awgura li s-sena li ġejja tkompli tirreġistra aktar titjib fir-rabtiet bejn Malta u l-Awstrija, minkejja dinja dejjem aktar ta’ sfida u volatili.