Il-Knisja Kattolika llum tiċċelebra il-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Matul il-ġurnata tal-lum, bosta se jkunu qegħdin jattendu għall-purċissjonijiet tal-Irxoxt li saru madwar il-pajjiż kollu li din il-pruċissjoni titqies bħala bħala tradizzjonali.
Il-bidu tal-purċissjoni tal-Irxoxt f’pajjiżna tmur lura lejn l-era tal-Kavallieri. Jista’ jkun li l-eqdem pruċissjoni bl-Irxoxt saret fil-Belt Valletta u kienet ħarġet mingħand il-Franġiskani.
Wara, din il-purċissjoni nfirxet malajr ħafna madwar il-gżejjer Maltin fejn wara ftit snin bdiet issir fil-Kottonera u aktar tard f’lokalitajiet oħra fosthom Ħal Qormi u n-Naxxar fejn fis-seklu 18 diġà kellhom statwa tal-Irxoxt.
Tradizzjoni li hija mistennija minn bosta hija l-ġirja bl-istatwa. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija l-Knisja f’Malta kienet ordnat li din it-tradizzjoni titwaqqaf, iżda wara li spiċċat il-gwerra mill-ewwel reġgħet bdiet din it-tradizzjoni.
F’Malta l-Irxoxt joħroġ minn diversi knejjes fosthom il-Birgu, Bormla, L-Isla, Ħal Luqa, Ħal Qormi (San Ġorġ u San Bastjan), Ħaż-Żebbuġ, il-Gżira, il-Mosta, in-Naxxar, ir-Rabat, iż-Żejtun u Raħal Ġdid (Kristu Re).
Filwaqt li f’Għawdex tinħareġ il-purċissjoni tal-Irxoxt fir-Rabat San Ġorġ, Rabat il-Katidral, in-Nadur, ix-Xewkija, il-Fontana, il-Qala, iż-Żebbuġ, l-Għarb, ix-Xagħra u Ta’ Kerċem.