Saturday, June 7, 2025

Malta tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa

Aqra wkoll

Ilbieraħ, Malta uffiċjalment ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa għar-raba’ darba fl-istorja tagħha, hekk kif il-Presidenza tal-Lussemburgu ntemmet u s-siġġu tat-tmexxija għadda għand id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, sabiex f’isem Malta jmexxi l-Kumitat tal-Ministri ta’ dan il-Kunsill għas-sitt xhur li ġejjin.

Din il-Presidenza, fis-60 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, hija mument storiku ieħor għall-poplu Malti u turija tal-impenn dejjiemi tal-pajjiż lejn il-multilateraliżmu u l-prinċipji fundamentali ta’ din l-organizzazzjoni.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri, Dr Borg qal li “Malta qed tilqa’ dan ir-rwol b’sens ta’ gratitudni, impenn u responsabbiltà kbira, sabiex nipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli u nkomplu nsaħħu l-valuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.”

Id-Deputat Prim Ministru elenka wkoll il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija:

  • It-tisħiħ tal-ħarsien tat-tfal u l-promozzjoni tal-aħjar interessi tagħhom;
  • Il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem;
  • Is-setgħa liż-żgħażagħ, il-ħarsien tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Malta se taħdem ukoll għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi fi ħdan din l-organizzazzjoni, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, billi tieħu azzjoni iktar b’saħħitha kontra l-informazzjoni falza u l-kontenut online li jagħmel il-ħsara. Malta impenjata wkoll li taħdem kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza għaliex f’soċjetà li tħaddan id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, m’hemm post għall-ebda minn dawn l-abbużi.

“Soċjetà li tinvesti fit-tfal tagħha hija waħda li tinvesti fil-paċi u f’futur iktar dinjituż, sostenibbli u inklussiv. Huwa b’din id-determinazzjoni li qed inpoġġu l-ħarsien tat-tfal bħala prijorità ewlenija,” spjega Dr Borg. Inizjattiva ewlenija se tkun il-konferenza Ministerjali biex jitfakkar il-15-il anniversarju mill-Konvenzjoni ta’ Lanzarote dwar il-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, sabiex tħeġġeġ lill-istati membri sabiex ikomplu jiġġieldu l-isfruttament u l-abbuż online.

Wara li ilha ma tittella’ għal dawn l-aħħar 13-il sena, Malta se tospita wkoll il-Konferenza Speċjalizzata tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar Xogħol iż-Żgħażagħ. “Nemmnu li ż-żgħażagħ huma aġenti ewlenin tal-bidla. Iġibu magħhom perspettivi ġodda dwar il-proċessi demokratiċi,” sostna d-Deputat Prim Ministru Borg.

Matul dawn is-sitt xhur, il-Presidenza Maltija se tfakkar ukoll diversi anniversarji storiċi, fosthom il-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. “Din il-Konvenzjoni ilha għal dawn is-snin kollha sservi bħala s-sisien b’saħħithom tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istabbiltà demokratika fil-kontinent tagħna. Jeħtieġ inkomplu nipproteġuha, għaliex tibqa’ l-aqwa direzzjoni legali u morali tagħna quddiem diversi sfidi li dejjem qed jevolvu,” kompla jgħid Dr Borg.

“Is-solidarjetà mal-Ukrajna tibqa’ fiċ-ċentru tal-isforzi tagħna, xprunata mill-impenn sod tagħna biex intaffu t-tbatijiet ta’ miljuni ta’ persuni maqbuda f’dan il-kunflitt,” żied Dr Borg, hekk kif fakkar li Malta se tkompli tgħin fil-ħidma sabiex l-Ukrajna terġa’ tqum fuq saqajha, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Kunsill tal-Ewropa lejn il-ġustizzja u l-kontabilità.

“Determinati li nkomplu nibnu fuq il-kisbiet tal-Presidenza tal-Lussemburgu, billi nippromwovu r-rispett lejn xulxin u l-mogħdrija. Ejjew naħdmu flimkien biex nibnu Ewropa iktar reżiljenti, għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” ikkonkluda d-Deputat Prim Ministru.

Għal aktar informazzjoni żur: maltacoe.gov.mt

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport