Wednesday, July 24, 2024

Malta tiffirma l-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjoni u prosekuzzjoni

Il-koperazzjoni hija dwar ir-reat tal-ġenoċidju, reati kontra l-umanità, reati tal-gwerra u reati internazzjonali oħra

Aqra wkoll

Fil-Palazz tal-Paċi f’The Hague, il-Gvern Malti, rappreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, iffirma l-Konvenzjoni ta’ Ljubljana – The Hague, trattat ewlieni fil-qasam tal-liġi kriminali internazzjonali, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjoni u prosekuzzjoni dwar ir-reat tal-ġenoċidju, reati kontra l-umanità, reati tal-gwerra u reati internazzjonali oħra.

Il-Konvenzjoni, filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ is-sovranità tal-pajjiżi membri u strumenti leġislattivi li diġà jinsabu fis-seħħ, titratta diversi temi importanti b’attenzjoni partikolari fuq reati ta’ natura internazzjonali, kif ukoll tisħaq fuq l-importanza tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ dawn l-imsemmija reati.

“Din il-Konvenzjoni timmarka pass importanti ħafna biex tinkiseb ġustizzja mal-vittmi ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti internazzjonali oħra billi tiffaċilita kooperazzjoni internazzjonali effettiva u effiċjenti fl-investigazzjoni domestika u l-prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati,” qal il-Ministru Attard.

B’din il-konvenzjoni, ser ikun aktar faċli għall-pajjiżi li jikkooperaw fuq it-tfittxija, il-prosekuzzjoni, u l-estradizzjoni ta’ nies li huma akkużati b’ġenoċidju, delitti tal-gwerra, u delitti kontra l-umanità.

“Il-kunflitti li għaddejjin bħalissa f’diversi bnadi jkomplu jissottolinjaw il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas tad-dritt internazzjonali permezz ta’ żviluppi ta’ dan it-tip, li jipprovdu għodod ġodda biex jgħinu biex titwettaq ġustizzja u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem ikunu protetti aħjar,” saħaq il-Ministru Attard.

Din il-konvenzjoni, li tikkumplimenta l-Istatut ta’ Ruma li stabbilixxa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), tipprovdi li l-ġlieda kontra l-impunità hija essenzjali għall-paċi, l-istabbiltà, il-ġustizzja, u l-istat tad-dritt.

“Għal darb’oħra għandna konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-għodod leġislattivi u amministrattivi disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex tinkiseb ġustizzja effettiva, inkluż fuq livell internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Din il-Konvenzjoni, li bdiet fuq inizjattiva tal-Arġentina, il-Belġju, il-Mongolja, l-Olanda, is-Senegal u s-Slovenja, laħqet il-qofol tagħha f’ċerimonja ġewwa il-Qorti Internazzjonali, u 34-il stat minn madwar id-dinja inkluż Malta ffirmaw din il-Konvenzjoni.

Ekonomija

Sport