Sunday, December 22, 2024

Malta tipparteċipa fl-ewwel Buildings and Climate Global Forum

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda l-ewwel Buildings and Climate Global Forum, organizzat ġewwa Pariġi mill-Gvern Franċiż u l-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 50 pajjiż minn madwar id-dinja.

Matul il-Forum internazzjonali ġew trattati diversi temi varji inkluż l-użu tal-building codes f’pajjiżi differenti, il-qalba għal binjiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-bini u I-iffinanzjar tal-bini ekoloġiku għall-aktar żvilupp sostenibbli.

Il-ministri iddiskutew ukoll u qablu fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Chaillot. Id-dikjarazzjoni għandha l-għan li twassal għal aktar kollaborazzjoni internazzjonali u impenn kemm mill-gvernijiet u partijiet ikkonċernati prinċipali fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard enfasizza fuq l-importanza ta’ dan il-Forum fuq livell internazzjonali. “Filwaqt li ġew imfakkra l-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment, ġiet enfasizzata wkoll ir-responsabbiltà kollettiva għal attenzjoni meħtieġa fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni, li effettivament jinsab fiċ-ċentru tal-isfidi li qed naffaċċjaw fl-isforzi kollettivi tagħna biex inkunu reżiljenti għat-tibdil fil-klima.”

“Malta tħares ‘l quddiem għal aktar kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li kommessi li nkomplu nsaħħu l-isforzi strateġiċi fuq livell nazzjonali. Din hija prijorità ewlenija għall-gvern Malti,” tenna l-Ministru Attard.

Għal Buildings and Climate Global Forum il-Ministru kien akkumpanjat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Jesmond Muscat u ċ-Chief Officer Antoine Bartolo.

Ekonomija

Sport