Monday, December 9, 2024

Fl-Indoneżja: Tinbeda investigazzjoni wara li żewġ piloti raqdu kważi nofsiegħa waqt titjira

Aqra wkoll

Żewġ piloti Indoneżjani raqdu għal kważi nofsiegħa f’nofs titjira. Minn investigazzjoni li saret irriżulta li t-titjira ta’ Batik Air kienet telqet minn Sulawesi għall-kapitali Indoneżjana, Jakarta fil-25 ta’ Jannar.

Rapport preliminari mill-Kumitat Nazzjonali tas-Sigurtà fit-Trasport (KNKT) wera li kien hemm diversi żbalji ta’ navigazzjoni, iżda l-153 passiġġier abbord u erba’ membri tal-ekwipaġġ ma weġġgħux waqt it-titjira li ħadet bejn wieħed u ieħor sagħtejn u 35 minuta.

Il-Ministeru tat-Trasport fil-pajjiż ċanfar bil-qawwa kollha lil Batik Air għal dan l-inċident, qalet id-Direttur Ġenerali tat-Trasport bl-Ajru Maria Kristi Endah Murni, li sejħu biex jagħtu akar attenzjoni għall-ħin ta’ mistrieħ tal-membri tal-ekwipaġġ tagħhom.

“Se nwettqu investigazzjoni u reviżjoni ta’ din it-titjira billejl fl-Indoneżja, li hija relatata wkoll mal-ġestjoni tar-riskju tal-għejja għal Batik Air u l-operaturi kollha tat-titjiriet,” qalet Kristi.

Matul il-ġurnata tas-Sibt, il-kumpanija Batik Air fi stqarrija qalet li se tkompli topera “b’politika adegwata ta’ mistrieħ” u li kienet “impenjata sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha marbuta mas-sigurtà.” Fl-istess stqarrija ntqal li l-piloti involuti fl-inċident tal-25 ta’ Jannar kienu ġew sospiżi temporanjament.

Ekonomija

Sport