Sunday, November 24, 2024

Malta tissokta bis-solidarjetà mal-poplu Libjan f’Derna

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza bi sħab mal-komunità Musulmana f’Malta qed jassisti fil-ħażna ta’ provvisti umanitarji biex jintbagħtu f’Derna l-Libja hekk kif dan il-pajjiż għadu jbati mill-effetti li ħalla warajh l-għargħar ta’ ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-provisti miġbura qed jintlaqgħu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. 

Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri flimkien mal-Imam tal-komunità Musulmana Mohammed Elsadi u mal-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, kien innutat li fi ftit jiem diġà nġabret ħażna kbira fi ħwejjeġ, ikel u għajnuna umanitarja oħra.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li f’isem il-gvern mill-ewwel laqa’ t-talba li saritlu mill-Imam Mohammed Elsadi biex Malta tkompli tassisti lil-Libja u jintbagħtu provvisti umanitarji f’Derna. Il-Ministru Camilleri kompla billi tkellem dwar l-impenn tal-Gvern Malti biex jassisti lill-poplu Libjan f’dan iż-żmien diffiċli li qed jiffaċċja, anke permezz tal-għajnuna fit-tfittxija u s-salvataġġ li taw il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati b’mod immedjat f’Derna.

Il-Ministru Byron Camilleri temm billi semma wkoll li l-impenn tal-Gvern Malti fl-assistenza li qed tingħata lil-Libja kien anke indikat fl-indirizz tal-Prim Ministru Robert Abela fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ftit tal-jiem ilu u biex anke stati ikbar jassistu lil-Libja kif fil-fatt tagħmel Malta.

Min-naħa tiegħu, l-Imam Mohammed Elsadi semma li l-komunità Musulmana hi grata lejn il-mod ta’ kif il-Libja għenet lill-Musulmani f’Malta tul is-snin u għalhekk issa qed isibu l-għajnuna lura. L-Imam Elsadi kompla billi fuq kollox irrikonoxxa l-għajnuna li l-Gvern Malti ta lil-Libja fl-aħħar ġimgħat minn meta l-poplu Libjan spiċċa affettwat mill-għargħar devastanti, kif ukoll talli permezz tal-AWAS mill-ewwel kienet aċċettata l-assistenza loġistika fil-ġbir tal-provvisti umanitarji.

Kull min hu interessat sabiex jgħin, il-provvisti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far se jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn 2 ta’ Ottubru f’dan l-indirizz https://maps.app.goo.gl/222oysBxhpGeRKkA9.

Sport