Wednesday, October 30, 2024

Malta titlef l-aħħar pilota tal-iSpitfire li ddefenda lil Malta fl-eqqel tat-Tieni Gwerra

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Fi kliemu stess, kien iddikjara li “Malta kienet l-aktar pajjiż ibbumbardjat fit-Tieni Gwerra Dinjija’. Kien intbagħat f’pajjiżna fl-eqqel tal-gwerra biex ikun parti mid-difiża tal-konvoj, li baqa’ magħruf bħala ’Ta’ Santa Marija’ u wara kien involut fid-difiża bl-ajru ta’ Malta bejn Lulju u Diċembru tas-sena 1942.  Kien iddikjara li “meta wasalna sibna li Malta kienet għarkopptejha.  Ma jonqosx li jirrakkonta dwar il-ġuħ u nuqqas ta’ ikel, anki għalihom bħala piloti, fejn meta titkellem miegħu jgħidlek kif kien niżel fil-piż.

Din hi parti mill-istorja ta’ Allan Hugh Scott, pilota fuq l-Ispitfire. Kien l-aħħar pilota tal-Ispitfire li ħa sehem fil-Battalja ta’ Malta u għadu ħaj. Hu miet fl-aħħar sigħat fl-għomor ta’ 99 sena.

F’April 2018 fl-eta ta’  97 sena reġa’ tajjar l-iSpitfire

Allan, ma kien jaqta qalbu minn xejn. L-imħabba u n-nostalġija li kien iġiblu l-iSpitfire wasslu biex fl-età ta’ 97 sena reġa’ tajjar dan l-ajruplan.  Dakinhar hu kien tajjar l-iSpitfire bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-mitt sena tal-RAF.

Hu kien qed jistenna li jagħlaq il-100 sena u dan għax kein ġie mwiegħed minn  Biggin Hill Heritage Hangar li għal din l-okkażjoni ituh l-opportunità li jerġa’ jtajjar l-iSpitfire, xi ħaġa li ma laħaqx għamel.

Allan kien ingħaqad mal-Qawwa tal-Ajru f’Marzu tas-sena 1941.  Hu intbagħat lejn Malta.  Hu mar lejn Ġibiltà f’Lulju tas-sena 1942 u minn hemm ġie lejn Malta.

Hu jirrakkonta li “meta wasalna sibna li l-gżira kienet sofriet ħafna. Prattikament kienet għarkopptejha. Il-Maltin sofrew ħafna taħt l-attakki li saru. Kien hemm nuqqasijiet kbar. Id-djar kienu bbumbarjati. Ma kien hemm fjuwil. L-ikel kien skarsa ukoll. Anki l-ħwejjeġ kien hemm nuqqas. Ma’ dan kien hemm il-biża tal-invażjoni. L-attakki bl-ajru kienu qed isiru dejjem aktar qawwija. L-għan kien li jkissru l-ispirtu tan-nies.”

“Il-kundizzjonijiet kienu ħżiena ħafna. Il-kolazzjoni tagħna kien jikkonsisti fi ftit ikel.. Niftakar ningħata żewġ gallettini, li kienu iebsin ħafna biex tikolhom.  F’temp ta’ sitt xhur tlift ammont sew ta’ piż.  Bħal ħafna oħrajn, komplejna ntiru waqt li nippruvaw ninjoraw dak li konna nsejħulu ‘il-Maltese Dog’ – diarrhoea qawwija.  Meta ma konniex inkunu qed intiru, konna nippruvaw nistrieħu kif nistgħu u dan billi nsibu kenn mix-xemx taħt il-ġwienaħ tal-ajruplani. Fl-ajru, imbagħad ridna niffaċċjaw lil għadu, u anke l-ambjent partikolari ta’ Malta.”

Kien semma li għal xi żmien kien hawn biss erba’ spitfires biex jiddefendu lil Malta. Kien saħaq li “kien inħass il-bżonn li hemm bżonn jintbagħat konvoj lejn Malta. F’diversi portijiet fir-Renju Unit, diversi bastimenti imtlew bi provvisti fosthom munizzjon, spare parts tal-ajruplani, ikel u mediċinali. Kien hemm ukoll provvisti ta’ fjuwil.  Kien inħass il-bżonn li jkun hemm tanker mal-konvoj u għal dan kien inġab l-Ohio, bastiment modern Amerikan li kien inbena ghal Texas Oil Company fis-sena 1940. Mal-konvoj kien ingħaqad bastiment ieħor, li kien l-erbatax-il wieħed.  Il-konvoj kellu jkun eskortat b’aircraft carriers, bastimenti tal-gwerra, cruisers u destroyers. L-esperjenza li għaddiet minnha f’Malta kienet inkredibbli. Għaddejt mill-aktar żminijiet perikolużi u intensi. Dan mingħajr ma kelli barxa fl-ajruplan. Il-memorji huma straordinarji.  Naħseb li xi ħadd kien qed iħarisni. Irnexxieli nibqa’ ħaj”.

L-iSpitfire salvali ħajti

Allan jitkellem dwar l-iSpitfire u jgħid li “għalija dan hu ajruplan ikoniku. Kien tajjeb ħafna għat-taqbid fl-ajru. L-iSpitfire salvali ħajti.  Fih kont toqgħod eżatt. Meta tidħol fih, spallejk joqogħdu eżatt.  Dak l-ajruplan ħabbejtu u għadni inħobbu” kien iddikjara  Allan.

Allan kien ġie Malta għall-ewwel darba mill-gwerra ‘l hawn fis-sena 2017

L-eks pilota tal-RAF Allan Scott kien ingħaqad mal-Prinċep Karlu fil-Belt Valletta għal avveniment nazzjonali li jimmarka l-75 anniversarju minn mindu kien ingħata l-George Cross.. L-eks surġent li dakinhar kellu ’96 sena, li kien qed jagħmel l-ewwel żjara tiegħu f’pajjiżna minn meta hu ddefena lil Malta bl-ajru bejn  Lulju-Diċembru tas-sena 1942.

Allan dakinhar kien tkellem bla tlaqlieq dwar x’kienet is-sitwazzjoni f’pajjizna. Hu kien iddikjara li “kien l-iktar post ibbumbardjat fid-dinja.” Kien saħaq li  “Malta kienet fil-mira ta’ attakki mit-Taljani mill-1940, u aktar tard minn ajruplani tal-gwerra Nażisti, u sat-tmiem tal-gwerra kellha r-rekord li  sofriet l-agħar attakki ta’ bumbardament. B’kollox 154 jum u lejl.  Eluf ta ’tunnellati ta’ bombi niżlu fuq iż-żoni li kienu jservu ta’ mitjar, bażijiet navali u djar.. Minn Jannar sa Lulju 1942 il-bumbardament kien tant  qawwi li Malta kellha waqfien biss għal perjodu ta ’24 siegħa. Kienu 24 siegħa fejn is-smewwiet kienu ħielsa mill-bombi tal-għadu.”

Għal din iċ-ċerimonja kien spikka l-mument fejn għadd ta’ persuni u anke veterani tat-Tieni Gwerra Dinjija, marru jitkellmu ma’ Allan u jirringrazzjawh tas-servizz li ta.

Ta’ min jgħid li Allan Scott kien intbagħat jiddefendi l-konvoj fl-aħħar parti tal-vjaġġ . Hu jirrakkonta kif waqt li ddefenda l-konvoj kien  waqqa ‘ajruplan tal-għadu.  F’Malta hu kien żar diversi postijiet fosthom it-Torri tal-Kontroll.

F’Malta darba minnhom spiċċalu l-munizzjon waqt attakk

Allan jirrakkonta ukoll episodju partikolari li  għadda minnu waqt attakk fuq Malta. Hu kien qed jattakka ajruplan tal-għadu iżda l-munizzjon spiċċalu kollu. Kien hawn li niżel b’veloċità  lejn il-baħar biex jaħrab lejn  Malta għax ma seta’ jagħmel xejn aktar.

Sport