Wednesday, April 24, 2024

“Ma nistgħux nibqgħu naffaċċjaw il-kriżi tal-immigrazzjoni dgħajsa, dgħajsa” – il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Il-pressjonijiet li hemm bir-rotta migratorja fiċ-ċentru tal-Mediterran ilhom jiżdiedu għal numru ta’ żmien iżda aħna ma nistgħux nibqgħu naffaċċjaw din il-kriżi dgħajsa, dgħajsa, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħalli pajjiżi frontliners bħal Malta u l-Italja waħidhom”.

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Mexxeja tal-pajjiżi ta’ nofsinhar tal-Unjoni Ewropea waqt is-Summit Med 7 organizzat mill-Presidenza Franċiża fuq il-gżira ta’ Korsika.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li din il-kwistjoni hija nieqsa mill-importanza li jixraqilha fuq l-aġenda Ewropea u għalkemm irikonoxxa l-għajnuna li xi pajjiżi qegħdin jagħtu, ma jistax ikun li jibqa’ jkun hemm każijiet spissi ta’ immigranti li jibqgħu jitħallew fuq dgħajjes f’nofs il-Mediterran ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ qbil.

Dr Abela fakkar li l-Unjoni Ewropea kemm il-darba għamlet impenji fir-rigward tal-immigrazzjoni, iżda meta dawn l-impenji jaslu fil-fażi ta’ implimentazzjoni, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra ċ-ċrieki kriminali li jmexxu l-immigrazzjoni llegali ta’ diversi persuni, isir ftit li xejn.

Hawnhekk Robert Abela semma l-importanza tal-Libja u l-kontinent Afrikan fil-kuntest tal-immigrazzjoni bħal pajjiż li ħafna immigranti jitilqu minnu lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.

“Il-baħar Mediterran huwa l-unika ħaġa li taqsam l-Unjoni Ewropea minn kontinent ieħor u għaldaqstant il-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni u ħidma viċin hija importanti mhux biss għas-sigurtà tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda għall-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità fir-reġjun”, stqarr il-Prim Ministru Abela.

Dr Abela saħaq li allura s-sitwazzjoni fil-Libja hija ta’ importanza kbira u semma kif Malta qed iservi ta’ pont sabiex ikun hemm djalogu bejn il-Libjani. “Huwa importanti wkoll li l-attività ekonomika fil-Libja terġa’ tibda għaddejja”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza wkoll għal dak li għaddej fil-Lvant tal-Mediterran u wera solidarjetà mal-kollegi Griegi u Ċiprijoti tiegħu. “Aħna qed inħarsu lejn is-sitwazzjoni f’din l-parti tal-Mediterran iżda rridu ntennu li Malta hija pajjiż newtrali, u għalhekk il-pożizzjoni hija waħda ċara, li s-sovranità tal-pajjiżi għandha tkun rispettata abbażi tal-liġijiet. Id-djalogu huwa l-mezz ewlieni għal din is-sitwazzjoni”, temm jgħid Dr Robert Abela.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet għamlu wkoll l-interventi tagħhom il-mexxeja ta’ Franza, l-Italja, il-Greċja, Ċipru, Spanja u l-Portugall.

Sport