Saturday, December 21, 2024

“Malta tkompli ssejjaħ għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna” – Il-Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg għal darb’oħra sostna l-pożizzjoni ta’ Malta għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna, sabiex ikun hemm rotot ta’ evakwazzjoni siguri u li permezz tagħhom titħalla ssir id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja. Il-Ministru Borg qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin f’Lussemburgu bħala parti mid-diskussjoni dwar il-kunflitt fl-Ukrajna.

Dr Borg qal illi Malta se tkun qed tkompli tappoġġja l-isforzi kollha tal-Unjoni Ewropea u anke dawk fuq livell internazzjonali sabiex tindirizza l-bżonnijiet tal-Ukrajna u ċ-ċittadini Ukreni anke fid-dawl ta’ dan il-kunflitt kontinwu. Fil-Kunsill, Malta spjegat kif il-Kartatan-Nazzjonijiet Magħquda, il-liġi internazzjonali u anke trattati oħra għandhom ikomplu jiġu sostnuti. Il-Ministru Borg kompla jenfasizza fuq l-importanza tal-għaqda tal-Unjoni Ewropea bħala element essenzjali sabiex taħdem għall-waqfien tal-kunflitt fl-Ukrajna.

Filwaqt li nnota l-azzjoni tal-istati membri l-oħra dwar l-espulsjoni tad-diplomatiċi Russi minn stati membri tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Ian Borg spjega l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna biex tagħmel dan il-pass minħabba preżenza diplomatika limitata li pajjiżna għandu fir-Russja. Madanakollu, il-Ministru Ian Borg qal illi Malta f’dan l-istadju se tkun qed tiffriża t-talba tar-Russja sabiex ikollhom uffiċjali diplomatiċi ġodda f’pajjiżna. 

Dwar l-aħħar sforzi fuq livell multilaterali, il-Ministru Borg saħaq dwar il-bżonn li jkun hemm konsolidament tal-appoġġ reġjonali, b’mod partikolari fil-pajjiżi Afrikani. Huwa sostna li hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijiet mal-Afrika sabiex nikkonsolidaw il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala sieħeb ta’ dan il-kontinent.

Il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin iddiskutiet ukoll is-sitwazzjoni tal-Libja. Il-Ministru Ian Borg enfasizza l-importanza ta’ proċess li jkun wieħed immexxi mill-istess Libjani għal-Libjani, u sostna li l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar viġilanti għal min jipprova jxekkel dan il-proċess politiku.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħat mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Grieg Nikos Dendias, dak Ċiprijott Ioannis Kasoulides, kif ukoll dak Spanjol José Manuel Albares Bueno.

Ekonomija

Sport