Thursday, April 25, 2024

Wirja tal-Ġimgħa l-Kbira organizzata minn grupp ta’ żgħażagħ f’isem il-Parroċċa tal-Fgura  

Aqra wkoll

Il-Fgura saret sinonima mal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira.  Fost dawn il-wirjiet insibu wirja li ġġib l-isem ta’ “Agħmlu Dan B’Tifkira Tiegħi”. Din il-wirja hija organizzata f’isem il-Parroċċa tal-Fgura minn grupp żghir ta’ żgħażagħ li ħafna minnhom huma ex-abbatini tal-istess Parroċċa.

Din il-wirja hija maqsuma f’ħames partijiet.

Fl-ewwel parti nsibu ċenaklu bil-mejda tal-Appostli u statwa lifesize ta’ Ġesù. Fiha wieħed jista’ jaqra u kif ukoll jisma’ spjegazzjoni tal-ikla tal-Għid kif kienet tigi ċċelebrata u t-tifsir kollu tagħha.

Fit-tieni parti, wieħed jista’ jammira t-talent taż-żgħażagħ permezz ta’ inkwadru kbir maħdum bl-ismid. Dan l-inkwadru, li fih kważi 5 metri tul u 2 metri wisgħa, jirrappreżenta l-Aħħar Ċena. Tikkonsisti fi 13-il figura, tista’ tgħid fuq skala lifesize. Dan l-inkwadru beda jinħadem fi Frar li għadda u jkun irid jinħadem fuq il-post minħabba d-daqs tiegħu. Din hija proprju t-tieni darba li nħadem inkwadru kbir tal-ismid, hekk kif sentejn ilu (qabel il-pandemija) kien inħadem inkwadru tal-Ħniena Divina.

It-tielet parti tikkonsisti fl-Ort tal-Ġetsemani. Fiha wieħed jista’ jara statwa lifesize ta’ Ġesù jitlob. Daqs tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minnu, din is-sena għall-ewwel darba għamilna tliet figuri li jirrappreżentaw l-appostli reqdin. Il-mużika li tikkumplimenta din ix-xena żgur li ser iddaħħalkom fl-atmosfera u fil-mument ta’ dieqa li kien ħass Ġesù.

Ir-raba’ parti tikkonsisti f’sett statwi tal-mibki Pawlu Muscat u sepurklu tas-sur Alfred Monreal.L-aħħar parti hija l-parti l-ġdida tal-wirja fejn, għall-ewwel darba, qed nuru xenarju ta’ ħabs bil-figura ta’ Ġesù ġo fih, maħkum mis-solitudni u l-biża’. Din l-istatwa nħadmet mill-artist bravu Andrew Bugeja.

Din il-wirja tiftaħ kuljum sal-Ġimgha 15 t’April, nhar il-Ġimgha l-Kbira. Tistgħu tidħlu minn pjazza Reggie Miller (il-pjazza ta’ wara l-knisja) jew inkella mis-sagristija waqt li l-knisja tkun miftuħa. Iktar dettalji tistgħu issibuhom minn fuq il-poster u l-paġna tagħna tal-Facebook.

Fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka ser issir mixegħla ta’ madwar 7000 xemgħa madwar il-knisja tal-Fgura, grazzi għall-Kummissjoni Festa Esterna b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali. Filwaqt li nawgurawlkom l-Għid it-Tajjeb, inħeggukom tiġu żżuruna u l-wirjiet kollha tal-Fgura.

Sport