Wednesday, December 25, 2024

Malta tospita għall-ewwel darba Kampjonat Ewropew tal-FEGAT tan-Nisa

Aqra wkoll

Il-Ħadd li ġej 28 ta’ April, Malta se tospita għall-ewwel darba kampjonat Ewropew tal-FEGAT tan-nisa. Il-FEGAT hija l-Federazzjoni Ewropea għall-sewwieqa Amateurs u tgħaqqad fi ħdana 13-il pajjiż Ewropew. Din hija l-40 edizzjoni ta’ dan il-kampjonat li se tkun qed torganizzah il-Malta Racing Club bis-sapport ta’ EquestriMalta.

Malta issieħbet mal-FEGAT lura fl’ 2019 u diġa kellha prestazzjonijiet posittivi f’kampjonati ta’ din il-Federazzjoni fejn fost l-oħrajn Malta hija ic-Champion renjanti tal-kampjonat dinji ta’ din l-Federazzjoni bir-rebħa ta’ Cliferty Calleja fl-edizzjoni 2022 imtella` ġewwa l-Italja.

Din ser tkun it-tieni parteċipazjoni għal Malta fil-Kampjonat Ewopew FEGAT tan-Nisa, fejn wara l-esperjenza fin-Norveġja is-sena l-oħra, l-Malta Racing Club reġa` għażel l-ġerrejja żagħżugħa Cherise Farrugia sabiex tirrapreżenta lill Malta f’din l-edizzjoni mtella ġewwa pajjiżna; żagħżugħa ta’ 19-il sena li diġa` għandha karriera prolifika fit-tiġrijiet taż-żwiemel. Cherise Farrugia saqet l-ewwel tiġrija tagħha ġewwa pajjiżna fil-5 ta’ Ottubru 2020, bl-ewwel rebħa tagħha tasal fl-1 ta’ Novembru ta’ l-istess sena. Sa issa saqet 462 tiġrija uffiċjali u rebħet 57. Fost il-kisbiet tagħha, Cherise tgħodd rebħa fil-final Prix de Caen 2021 fuq Givre Nonantais u hija ukoll ir-rebbieħa tal-klassifika għall-ġerrejja taħt il 25 sena għal dawn l-aħħar 3 snin konsekutivi. Fil-parteċipazzjoni ta’ l-edizzjoni 2023 ġewwa in-Norveġja, Cherise kienet ukoll rebħet waħda mit-tiġrijiet tal-ampjonat fuq iż-żiemel Apollo Creed filwaqt li għalqet fis-6 post tal-klasifika finali.

Għal dan il-kampjonat Ewropew tal-FEGAT tan-nisa, Malta ser tospita 12-il parteċipanta oħra li flimkien ma Cherise Farrugia ser isuqu 4 tiġrijiet bħala parti minn dan il-kampjonat li se jsir ġewwa l-kumpless tal-Malta Equidrome. Din ser tkun it-tieni manifestazzjoni internazzjonali imtella` mill-Malta Racing Club ġewwa pajjiżna f’temp ta’ 6 xhur. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport , Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Dr Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu ghall-kollaborazzjoni konġunta bejn Malta Racing Club u EquestriMalta li grazzi għal dan il-kampjonat se jerġa jsir avveniment Ewropew ieħor ġewwa Malta li mhux biss se jattira tnax il-pajjiż differenti u jsaħħaħ dan l-isport u t-turiżmu li jġib miegħu, iżda huwa ċertifikat kif għal darb’oħra pajjiżna qed jikseb fama li għandu l-kapaċitajiet u r-riżorsi biex isiru avvenimenti internazzjonali. Il-Ministru Grima żied jgħid li bħala pajjiż għandna nkomplu ntejjbu u nkabbru r-reputazzjoni tagħna fuq dawn is-suċċessi biex inkomplu inressqu kampjonati ta’ din ix-xorta, u f’dan il-każ kampjonat ewropew femminili li qed jiġi ospitat għall-ewwel darba f’Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit sostna kif EquestriMalta kommessa li tibqa tattira, tippromwovi u ssostni finanzjarjament attivtajiet bħal dawn li mhux biss joffru spettaklu u turiżmu sportiv, iżda jservu ta’ vetrina u promozzjoni ta’ dan l-isport, anki man-nisa, fejn is-sewwieqa Cherise Farrugia marret tajjeb f’kampjonat simili barra minn xtutna ukoll.

Il-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club Tony Demanuele irringrazzja lis-sidien tal-kollaborazzjoni biex żwiemel tagħhom jiġru f’dan il-kampjonat. Saħaq ukoll kif bl-għajnuna finanzjarja u amministrattiva ta’ EquestriMalta, kampjonati bħal dawn jistgħu isiru ġewwa l-Malta Equidrome u appella biex nkomplu naħdmu f’din is-sinerġija għall-ġid ta’ l-isport.

Ekonomija

Sport