Malta qiegħda tospita l-Mediterranean Tourism Forum Ministers’ Summit. Dan is-summit, ippresedut mill-Ministru Malti għat-Turiżmu Clayton Bartolo qiegħed ilaqqa’ Ministri għat-Turiżmu u rappreżentanti ta’ pajjiżi Mediterranji biex jiġu diskussjoni it-temi tas-sostenibbilità u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam turistiku.
Il-pajjiżi parteċipi f’dan is-summit huma Malta, il-Kroazja, Ċipru, L-Eġittu, il-Greċja, il-Libja, l-Italja, il-Palestina u Spanja.
Fil-bidu ta’ dan is-summit il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li l-Mediterran qiegħed jaffaċja sfidi bla preċedent speċjalment fejn tidħol tibdil fil-klima.
“Bħala pajjiż qegħdin nospitaw pajjiżi li huma parti mir-reġjun Mediterranju mill-Ewropa, Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq biex inpoġġu ma’ mejda u niddiskutu temi li permezz tagħhom nixprunaw diskussjoni dwar x’għandhom ikunu d-deċiżjonijiet biex it-turiżmu fil-Mediterran ikun wieħed sostenibbli u aġġornat maż-żminijiet moderni li qegħdin ngħixu fihom illum,” saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Huwa żied jgħid li kemm bħala Malta u r-reġjun Mediterranju għandna nkunu iżjed innovattivi għal mod kif inżewġu t-tradizzjonijiet kulturali mal-preżent u l-futur permezz tat-teknoloġija.