Il-liġi Maltija flimkien mal-istrutturi ta’ kontroll għall-użu responsabbli tal-kannabis kienu fuq l-aġenda tat-tieni konferenza ministerjali bejn ħames pajjiżi Ewropej li ltaqgħu f’Malta biex jiddiskutu l-iżviluppi marbuta mar-regoli u l-liġijiet dwar l-użu tal-kannabis li ma jkunx għal skop mediku jew xjentifiku.
Fil-ftuħ tal-konferenza ministerjali, li għaliha attendew rappreżentanti mill-Ġermanja, l-Olanda, l-Lussemburgu u r-Repubblika Ċeka, s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg spjegat kif il-gvern Malti ta prijorità massima lill-aspetti tas-saħħa pubblika bil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis u fl-istess ħin indirizza l-konsegwenzi negattivi li kienu qed jinħolqu bil-kriminalizzazzjoni tal-persuni li jagħmlu użu personali mill-kannabis.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li bil-liġi li qed tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis u bit-tħaddim tar-regolamenti robusti mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se titħares is-saħħa ta’ dawk li jiddeċiedu li jagħmlu użu minnha. Dan għaliex dawn ser ikollhom aċċess regolat għal kannabis u ser ikollhom serħan il-moħħ li qed jużaw kannabis li mhix kontaminata b’sustanzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa jew li jwasslu għal telf ta’ ħajja.
Waqt li spjegat il-funzjonijiet anke edukattivi tal-Assoċjazzjonijiet għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, s-Segretarju Parlamentari ħabbret li sa Novembru li ġej, l-Awtorità ser tkun qed torganizza l-ewwel taħriġ fuq Harm Reduction għal dawk l-Assoċjazzjonijiet li waslu fi stadju avvanzat tal-applikazzjoni biex jiffurmaw Cannabis Harm Reduction Association.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid Mckay tkellem fuq l-aspett mhux ikkummerċjalizzat li ħaseb għalih il-qafas regolatorju Malti u saħaq fuq l-importanza li l-liċenzjar u l-qafas regolatorju jkunu qed jaħdmu flimkien, favur is-saħħa pubblika u l-ġustizzja soċjali.
Is-Sur Mckay għamel enfażi wkoll fuq l-importanza li tiġi mħarsa s-saħħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, partikolarment prevenzjoni ta’ konsum għoli ta’ THC għal dawk li għandhom bejn it-18 u l-21 sena.