Friday, May 3, 2024

“Niftakar nies ixejru l-kuruni tar-rużarju u jgħajtu dimonji, dimonji, dimonji”

Tlajt niġbed il-meeting ta’ Mintoff fl-Interdett fit-Tokk… tant kien hawn ċensura li meta nbagħtu l-filmati sibthom vojta - Salvu Debono

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lil Salvu Debono, dejjem nafu imdaħħal sew mal-Partit Laburista. Kont issibu dejjem fl-attivitajiet li jorganizza l-Partit Laburista. F’Ħal Kirkop kif issemmi lil Salvu Debono, mill-ewwel jgħidulek min hu. Fl-aħħar jiem tkellimt ma’ Salvu dwar l-esperjenzi tiegħu fl-interdett. B’mod partikolari il-famuż mass meeting li l-perit Mintoff kien għamel fil-piazza tat-Tokk fir-Rabat Għawdex.

Salvu jirrimarkali mill-ewwel li “jien nibqa’ niftakar mhux biss ix-xeni tal-mistħija li kien hemm. Nies isaffru. Jgħajtu. Qniepen idoqqu. Jien kont tlajt b’kamera li tiġbed il-filmati. Kont ħadt il-filmati ta’ x’kien għaddej. Taf x’ġara wara? Metą mort biex niġbor il-filmat wara li kellu jkun żviluppat, sibtu li kien vojt. Ara x’ċensura kien hawn”. Nistaqsih jekk tkellimx ma’ min żviluppah għaliex kien vojt. Salvu iwieġeb b’mod ċar. “Dak iż-żmien mhux bħal ammont ta’ snin ilu.

Dak iż-żmien il-filmat kien jintbagħat l-Ingilterra u hemmhekk kien jiġi żviluppat. Bla dubju li kien hemm ċensura qawwija u segwew dak li kien se jintbagħat. Lili flok bagħtuli l-filmati żviluppati, bagħtuli filmați vojta”.

Meta wasalna Għawdex sibna li l-karozzi tal-linja waqfu jaħdmu

Salvu b’emozzjoni jirrakkont dak li ġara fil-jum tal-mass meeting fit-Tokk. “Kien hemm xi Laburisti li telgħu bil-karozza. Jien u ħija, li konna fil-Partit Laburista ta’ Ħal Kirkop, morna lejn Għawdex bil-karozza tal-linja. Sibna li kif wasalna Għawdex, is-servizz tat-trasport pubbliku kien waqaf jaħdem. Dan biex ma jgħabbuniex. Anki l-ilma fil-latrini ingħalaq. Dħalna fil-latrini u bdejna insibuhom bla ilma.”

“Inżilna minn fuq il-vapur, u rajna li kien hemm ħafna nies miġburin. Bdew iwaddbulna il-ġebel. Bdejna niskapulaw u qbadna it-triq lejn ir-Rabat. Niftakar grupp ta’ nies li bdew ixejru il-kuruni tar-rużarju lejna u jgħajtu ‘dimonji, dimonji, dimonji”.

Sar kompromess mal-Pulizija biex iħalluna nidħlu it-Tokk għall-mass meeting

“Meta wasalna it-Tokk sibna lil Anton Buttiġieġ kien qiegħed imexxi l-meeting. Niftakar kien hemm il-Kummissarju De Gray u għadd ta’ Pulizija. Dawn ma bdewx iħalluna nidħlu fit-Tokk biex nisimgħu l-mass meeting. Dan fost ġeġwiġija sħiħa ta’ għajat, tisfir, tgħajjir u daqq bil-qniepen. Kien hemm grupp fil-ġenb tal-pjazza li bdew jgħajruna b’kull ma ġie għal ilsienhom. Kien hemm kommossjoni sħiħa. Fl-aħħar intlaħaq kompromess u ħallewna nidħlu fil-piazza.”

Il-latrini kienu ingħalqu

“Kif sirna nafu li se jħalluna nidħlu, inġbarna kollha flimkien u dħalna. Ġara li kien hemm min ried imur il-latrina. Dawk tar-Rabat kienu ingħalqu. Il-biċċa waslet għand Anton Buttiġieġ. Kien hawn li għadni niftakar lil Buttiġieġ jgħid li “Laburisti ifhmuni u għadruni. Hawn min irid imur il-latrina, imma dawn ingħalqu. Jekk taraw xi ħadd jagħmel ma’ ħajt, tħarsux lejh”.

Meta spiċċa l-mass meeting inżilna lejn Għajnsielem. F’ħin minnhom fit-triq nara xi ħaġa ittir fl-ajru. Kienet ġejja fid-direzzjoni tagħna. Warrabnielha. Kien hawn li qamet kommossjoni u xi ħadd beda jaħraq l-għelieqi tal-qamħ. Il-Puliżija kif raw hekk bdew jimbuttawna u jkellmuna ħażin. Jien kont qed niddokumenta kollox fil-filmati. Ġara imma li minn dak li ġbidt ma’ għandi xejn. Meta bgħatthom barra biex il-filmati jiġu żviluppati, fejn dak iż-żmien konna nibagħtuhom fir-Renju Unit, metą intbagħtu lura għandi l-filmati sibt li kienu vojta. Kienu ġew iċċensurati”.

Waqt l-interdett inżertajna fuq vjaġġ bil-baħar lil grupp immexxi mill-Arċisqof Gonzi…..’għedtilhom kif Gonzi ma waqqafx it-tempesta’

Salvu jgħidilna li “jien kont mort żewġ seminars barra fir-Renju Unit. Wieħed kien ma’ Lorry Sant f’Copenhagen u ieħor ma’ Anton Buttiġieġ. Qabel morna ir-Renju Unit, konna iltqajna mal-Perit Mintoff u tana struzzjonijiet ta’ x’irridu nagħmlu u biex inżommu prinċipju wieħed. Dak iż-żmien konna bl-interdett.

Konna qbadna il-vapur fid-9 ta’ Settembru u sibna li mal-vapur kien hemm grupp ta’ nies li kienu mal-Arċisqof Gonzi. Kienu sejrin Sqallija. Meta ħriġna mill-port sibna li l-baħar kien qawwi u anke laħaqna xi maltemp. Fuq il-bastiment li kien jismu ‘Star of Malta”, kien hemm anke xi pulizija pajżana. Minħabba l-mewġ kien hemm għadd ta’ nies minn ta’ Gonzi u bdew jirremettu. Jien kont mort fuqhom u bdejt ngħidilhom ‘xi ġralu Gonzi? Kif ma waqqafx it-tempesta bħal Kristu?”. Aħna inżilna Sirakuża u komplejna fi triqitna.”

Għajtilna Buttiġieġ u qalilna li ‘l-interdett ma’ sewa għal xejn”
Tenna li “minn Sirakuża tlajna lejn Ruma. Meta wasalna hemmhekk kien għajtilna Anton Buttiġieġ u kien infurmana li “l-interdett ma sewa għal xejn”. Salvu jkompli jgħidilna li “minn ta’ żmien l-interdett niftakar li darba kont f’karozza tal-linja u jien minn dejjem kont naqra.

Kelli l-ħelsien. Niftakar titla’ mara u din poġġiet ħdejja u wara ftit telqet. Ġie Pulizija u wara ftit qalli għaliex telqet. Infurmati li telqet għax kont qed naqra l-ħelsien. Għedtlu mela fiha xi ħaġa ħażina li naqra Il-Ħelsien?”.

Lil Patri Franġiskan kont għedtlu għalfejn qed tagħmel differenza bejn Nazzjonalisti u Laburisti

Salvu jitkellem magħna dwar episodju partikolari. “Ħa ngħidlek jien x’kien hawn. Qabel l-elezzjoni kienu organizzaw xi attività u kienu ġew tal-MUSEUM, Patrijiet u anke tal-Azzjoni Kattolika. Mort u poġġejt quddiem. Kien hemm Patri Franġiskan u beda jgħidilna fuq il-votazzjoni għall-elezzjoni. Beda jgħidilna kif għandna nivvutaw. Ma flaħtux x’ħin bdejt nisimgħu jgħid ċerti affarijiet u għedtlu għalfejn qiegħed tagħmel din id-differenza bejn Nazzjonalisti u Laburista. Għedtlu ‘taf x’jgħid San Franġisk?”. Dar lejja u qalli “itla’ hawnhekk. Jien inbuslek saqajk. Għamel hekk biex ma jqajjimx reazzjoni”. Wara avviċinani Pulizija qalli għal ftit ma qbadniekx u arrestajniek”.

Jekk tkun ta’ tendenzi Laburisti kellek riskju li ma jdaħħlukx

Jisħaq li “anke tidħol it-Technical, kien hemm riskju jekk kont ta’ tendenzi Laburisti. Iħalluk tagħmel l-eżami u ma jgħaddukx. Meta missieri kien qiegħed jagħmel il-lavur tal-koppla tal-Knisja ta’ Ħal Kirkop, jien kont inmur ma’ missieri. Kien ikun hemm l-iskultura. Lili kien itini skarpell u jien nogħod nagħmillu trinka.

Darba minnhom qalli ħa ntik fjura u ipprova għamilha. Lestejtha u għaddejtielu. Kif raha ralli missek tur l-iskola tal-arti. Dak iż-żmien din kienet fi Strada Forni l-Belt. Mort u kif kont hemm ġie is-surmast u qalli ġejt titgħallem bla pitazz u xejn. Ħares lejja u qalli ħa nġiblek werqa tal-Belladonna. Pinġejtha. Ħares lejja u b’ton qisu rrabjat qalli ‘jekk ġejt biex tiġbed saqajn l-għalliem se jarralek”.

Infqajt nibki u tlaqt ‘l barra

“Jien kif rajt hekk. Issummajt. Infqajt nibki u tlaqt ‘lbarra. Hu ġie imbagħad qalli ħtaftek taf għaliex, għax ma ħallejtlix fejn nikkoreġik. Qalli għada ejja, għax jekk ma tiġix, niġi għalik jien”, jgħidilna Salvu.
“Bdejt nagħmel xogħol tal-ġebel u ġie l-eżami. Kont smajthom jitkellmu wara l-purtieri. Bdew isemmu l-isem tiegħi ta’ Salvu. Bdew jgħidu l-ieħor ma jifilħux l-eżami, imma Salvu jifilħu.

Bdew jirrimarkaw imma li jien għadni żgħir. Wasalt biex nagħmel l-istorja tal-pittura u qaluli li kien hemm bħal borża ta’ studju għall-iskola tal-arti f’Ruma. Qaluli li kont se nmur jien u bdejt nistudja it-Taljan f’Santu Wistin. Ġara li wara li għadda ftit żmien u ġie is-surmast u qalli ‘għandi aħbar ħażina. Se jkollok tistenna sentejn oħra biex tmur Ruma”. Dan għax kien sejjer xi ħadd ieħor.

Bqajt bla ċertifikat… għaddejt mill-eżami u qaluli li kien żball

B’ħarsa ta’ dispjaċir Salvu jgħidli “meta lil missieri għedtlu b’dan, ma ridnix inkompli u qlibt għat-Technical School. Kelli 14-il sena u bdejt nitgħallem l-elettriku. Imxejt ‘lquddiem. Ir-raħal ta’ Ħal Kirkop kien għad m’hemmx elettriku. Fit-Technical darba ippreżentawlna problema marbuta mal-‘mechanics’.

Din ma stajniex insolvuha. Jien mort għand wieħed mir-raħal, kien kunjomu Chircop li kien bniedem intelliġenti imma mhux professjonist. Sibtu jaħsel l-art, qalli x’ġabek hawn. Għedtlu bil-problema. Qalli x’nagħmel u spjegali kif niktibha biex tkun tagħmel sens. Mort fil-klassi u meta l-għalliem qalilna dwar il-problema tal-‘mechanics’, jien għedtlu kif ħdimtha. Staqsieni jekk għamilthiex jien. Għedtlu mort għand min naf li hu kapaċi. Meta kont nagħmel l-eżami tas-City and Guilds kont niġi it-tieni jew it-tielet.

Darba minnhom is-surmast bagħat għalija u feraħli. Kont ninnota imma li l-istudenti l-oħrajn kienu jirċievu ċertifikat u jien le. Tlabt raġuni u ġiet ir-risposta. Qaluli li kellhom żball u bqajt bla ċertifikat. Min ġralu bħali nikkumpatih. Kienu jaraw xi ħadd jipprometti flok jgħinuh, kien jaraw kif se jdaħħlu lil xi ħadd floku.”

Dħalt mal-qawwa tal-ajru

Salvu jgħidilna li “kont għamilt apprendistat fit-tarzan u anke dħalt mal-Qawwa tal-Ajru. Kelli instructor Skoċċiż u lil dan kont staqsejtu jekk kellux xi ktieb ta’ kif tagħmel il-‘welding’. Kien ħadni miegħu u tani ktieb ġdid. Inżilt ferħan se ntir b’dan il-ktieb, allavolja kien qalli li fi żmien tlett ġimgħat iridu. Sħabi riedu li nislifulhom.

Kienet ġietni okkażjoni biex inmur naħdem fl-impjant tal-enerġija fil-Furjana. Kelli l-inġinier li kien kors sentejn qabli. Wara ftit ġietni okkażjoni biex naħdem ma’ kumpanija rinomata fl-elettriku. Kont tlabthom leave u għedtilhom li se nkun qed nieħdu biex ngħin lil missieri. Meta rritornajt għax-xogħol kienu ġibduli l-attenzjoni, jekk mortx nagħmel xi xogħol ieħor. Kelli nieqaf naħdem ma’ din il-kumpanija. Wara bdejt karriera mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża.

Niftakar riedu jagħmlu modifikazzjoni urġenti ta’ “spy camera’. Tlajt fit-Turretta tal-Kontroll u għamilt ix-xogħol u kienu kuntenti ħafna bih”, itemm jgħidilna Salvu.

“Jien waħda ngħid u rrid nispiċċa biha. Din nisħaq ħafna fuqha. Tista’ tidħak b’xi ħadd għal darba, tnejn, tlieta, imma ma tistax tidħak bih għal dejjem”.

Sport