Minn Cristian Muscat
Il-Motocross f’Għawdex għandu storja unika li tmur lura għall-1986, meta grupp ta’ dilettanti tal-muturi flimkien ma’ Frank Xuereb, magħruf bħala “Ta’ Brunu”, sabu biċċa art abbandunata u mimlija debris f’Ta’ Xħajma, limiti tan-Nadur. Minn hemm bdiet storja li llum saret parti importanti mill-isport Għawdxi.
Dak iż-żmien, ma kien hemm l-ebda korsa uffiċjali f’Għawdex, u l-passjoni għall-muturi kienet tiġi pprattikata b’mod informali f’postijiet bħal Tan-Nuffara, Ta’ Laveċċa u Tad-Dabrani. Kienu żminijiet fejn l-isport kien għadu mhux organizzat, u ma kienx hemm kompetizzjonijiet strutturati.
Frank Xuereb u sħabu ressqu proposta lill-Gvern biex l-art f’Ta’ Xħajma tiġi żviluppata f’korsa uffiċjali tal-motocross. Din l-idea sabet appoġġ qawwi mis-Sur Lino Debono, magħruf bħala “In-Niksu”, li emmen fil-proġett mill-bidu nett. Wara li nħarġu l-permessi meħtieġa, tħejja d-disinn tal-korsa li kienet tinkludi rampi u kantunieri tekniċi biex tittestja l-ħiliet tas-sewwieqa.
Fit-3 ta’ Jannar 1988, ġiet inawgurata uffiċjalment il-korsa ta’ Ta’ Xħajma, l-ewwel u l-unika korsa tal-motocross f’Għawdex. Dak il-jum kienu organizzati l-ewwel tiġrijiet maqsuma fi Klassi A u Klassi B, u ġibdu folla kbira ta’ spettaturi kurjużi u eċitati biex jaraw sport ġdid jitwieled fil-gżira.
Il-Gozo Motocross Association, b’Michael Saliba bħala l-ewwel president, flimkien ma’ Ċensu Bonello magħruf bħala ‘Splot’ u Ġorġ Xuereb, magħruf bħala ‘Brunu’ għaqdu l-ewwel kumitat. Din l-assoċjazzjoni bdiet taħdem biex torganizza tiġrijiet u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-korsa, filwaqt li tippromwovi l-isport fost iż-żgħażagħ u l-adulti.
Illum il-ġurnata, il-motocross f’Għawdex evolva f’organizzazzjoni strutturata li tinkludi kampjonati f’diversi kategoriji. Matul iż-żminijiet il-GMA organizzat Night Motocross, Xtreme competitions, flat-track racing, Trials u Enduro. L-għan jibqa’ li jġib flimkien atleti żgħażagħ u veterani u jkompli jsaħħaħ l-isport tal-muturi kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
F’dan il-kuntest, nitkellmu ma’ Emma Xuereb, magħrufa wkoll bħala plejer tal-futbol iżda wkoll attiva fil-motocross u CrossFit, li tirrakkonta l-esperjenza tagħha u l-involviment familjari fl-isport.
“Apparti l-futbol, nagħmel ukoll motocross u CrossFit. Dejjem kelli bżonn nibbilanċja kollox u noqgħod attenta li ma nweġġax. Dawn l-isports jinteressawni ħafna,” tibda tgħid Emma.
Hi tispjega kif il-motocross huwa marbut mill-qrib mal-familja tagħha. “Aħna bdejna minn missieri. Hu kien isuq il-muturi fi żmienu, u flimkien maz-ziju Gorg, kienu stinkaw biex tinħoloq il-korsa f’Għawdex. Minn hemm l-isport kompla jikber.”
Illum, il-familja tagħha tinsab fil-qalba tal-organizzazzjoni. “Issa qed jieħdu ħsieb kollox ommi u missieri, flimkien mal-bqija tal-kumitat u voluntiera. Missieri huwa l-president tal-assoċjazzjoni u ommi Segretarja Eżekuttiva. Aħna kollha involuti. Jien u ħija l-kbir nieħdu sehem fit-tiġrijiet … ħija reba il-Kampjonat disa’ darbiet, oħti l-kbira tagħti daqqa t’id ukoll, jien nieħu r-ritratti meta ma nkunx qed insuq u hija ż-żgħir jagħmel ix-xogħol tal-marketing u t-teknoloġija.”
Emma tkompli tispjega kemm ix-xogħol huwa intensiv: “Hemm ħafna xogħol li jrid isir ta’ kuljum bħall-manutenzjoni tal-korsa, tneħħija ta’ ħaxix ħażin u mitt ħaġ’oħra. Il-Kumitat u l-voluntiera mmexxija minn missieri jaħdmu qatigħ biex dejjem jippruvaw imexxu dan l-isport ‘l quddiem. Fl-istess waqt, ommi tieħu ħsieb dak kolllu li hu amministrattiv”
Fuq il-parteċipazzjoni, Emma tgħid li l-isport qed jikber b’mod kostanti. “Għandna parteċipanti kemm Ghawdxin u anke Maltin. Erba snin ilu ftahna l-akkademja tat-tfal u għalhekk għandna varjetà kbira ta’ etajiet, subien u bniet, bl-iżgħar tifla jkollha biss erba’ snin.”
Hi tisħaq ukoll fuq is-sigurtà: “Ħafna nies jaħsbu li l-motocross hu perikoluż, imma jekk tkun imħarreġ sew u tilbes l-aċċessorji kollha bħal elmu, chest protection u boots, isir sport sigur ħafna. Kollox jiddependi kemm wiehed jitħarreġ u jtejjeb il-ħiliet tiegħu jew tagħha.”
Interessanti wkoll li l-parteċipazzjoni tan-nisa qed tikber. “Ghal l-ewwel darba fl-istorja tal-gżejjer Maltin sar l-ewwel kampjonat tan-nisa hawnhekk ġewwa Għawdex u kienet esperjenza sabiħa ħafna. Il-Motocross mhuwiex sport għall-irġiel biss, kulħadd jista’ jipprova, infatti għandna l-iżgħar tifla li għandha biss erba’ snin”
Dwar kif wieħed jista’ jibda, Emma tgħid li l-bibien huma dejjem miftuħa fil-GMA: “Aħna nilqgħu lil kulħadd, kbar u zghar. Tfal li jixtiequ jipruvaw dan l-isport l-assoccjazzjoni tiprovdi mutur u kif ukoll l-apparat necessarju, biex jkunu jistghu jipprattikaw. Min jixtieq isir membru mal-GMA, jista jikkuntatjana permezz ta’ telefonata, email, FB, Instagram u hemm il-website ukoll. ”
Il-Gozo Motocross Association tkompli tħares lejn il-futur b’ottimiżmu, speċjalment bil-ħidma kontinwa biex jiżdiedu opportunitajiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet għal kull livell.
F’dawn l-aħħar snin sar ukoll investiment akbar fl-edukazzjoni dwar is-sigurtà, sabiex is-sewwieqa tal-muturi, speċjalment iż-żgħażagħ, ikunu mħarrġa sew qabel jidħlu fil-kompetizzjoni.
L-assoċjazzjoni qed taħdem ukoll biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ klabbs anke barra minn Malta, sabiex is-sewwieqa Għawdxin jkollhom aktar esperjenzi internazzjonali.
Dan kollu qed isir sabiex il-motocross f’Għawdex ma jibqax biss sport lokali, iżda jkompli jikber bħala dixxiplina kompetittiva li toħloq opportunitajiet, tiftaħ bibien ġodda u tkompli tgħaqqad komunità passjonata li ilha tikber għal aktar minn erba’ deċennji.
Minn art abbandunata f’Ta’ Xħajma għal sport organizzat li jiġbed mijiet ta’ dilettanti, il-motocross f’Għawdex illum huwa xhieda ta’ passjoni, familja u dedikazzjoni. U kif turi l-istorja ta’ Emma Xuereb u oħrajn, dan l-isport mhuwiex biss dwar veloċità u muturi iżda dwar komunità li tibni futur flimkien.

