Commonwealth Sport Malta temmet b’suċċess l-avveniment tal-King’s Baton Relay din il-ġimgħa – mument importanti li jqarribna lejn il-Logħob tal-Commonwealth li ser isiru fi Glasgow bejn il-Ħamis 23 ta’ Lulju u l-Ħadd 2 ta’ Awwissu 2026.
Il-King’s Baton Relay ġab flimkien atleti, studenti, għaqdiet volontarji, federazzjonijiet sportivi u l-pubbliku madwar Malta u Għawdex f’ċelebrazzjoni tal-valuri tal-Commonwealth.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Logħob tal-Commonwealth, kull wieħed mill-74 pajjiż u territorju tal-Commonwealth irċieva l-Baton tiegħu sabiex jippersonalizzaħ u jżejnu bl-espressjoni tal-kultura u l-identità unika tiegħu.
L-74 Baton kollha se jerġgħu jingħaqdu waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ Glasgow 2026, fejn il-Baton tal-Iskozja se jiġi ppreżentat lill-Majesta Tiegħu ir-Re Karlu III u jinqara l-messaġġ b’mod uffiċjali u jiddikjara l-Logħob miftuħ.
Ispirat mit-tliet valuri tal-Commonwealth Games – Umanità, Ugwaljanza u Destin – il-Baton huwa magħmul minn tliet biċċiet tal-injam sostenibbli Skoċċiż. L-ispazji fejn jiltaqgħu l-biċċiet huma element intenzjonat fid-disinn, li jissimbolizza r-rabtiet li jgħaqqdu lill-Commonwealth flimkien. B’hekk morna lura għat-tradizzjoni li tfakkar l-ewwel Queen’s Baton Relay li sar f’Cardiff fl-1958, il-Baton għandu forma klassika u eleganti – sempliċi, sostenibbli u mingħajr teknoloġija elettronika kumplessa, li sservi bħala tila vojta biex kull pajjiż jagħmilha tiegħu.
Il-Baton ta’ Malta: Tila ta’ Kultura
Il-Baton Malti ġie ddisinjat minn studenti tal-Istitut tal-Arti Kreattiva tall-MCAST, li wieġbu għal din l-isfida bi kreattività u sengħa notevoli. Id-disinn tagħhom jgħaqqad simboli u elementi li jirrappreżentaw lil Malta: il-luzzu, l-għajn protettiva li skont it-tradizzjoni tħares lis-sajjieda fuq il-baħar, il-kuluri sħan tal-ġebla Maltija u dawk ferriħin tal-festa tradizzjonali Maltija. F’konformità mal-etos tal-Baton, intużaw materjali sostenibbli tul il-produzzjoni tad-disinn.
Il-Vjaġġ tal-Baton madwar Malta u Għawdex
Il-King’s Baton żar żewġ skejjel. Fl-Iskola Santa Monica fil-Gżira, l-istudenti kellhom l-opportunità jinteraġixxu mal-Baton u jkunu parti mill-istorja tal-Commonwealth. Il-programm inkluda wkoll kollaborazzjoni sinifikanti mal-NGO ambjentali Żibel, fejn it-tim ta’ Commonwealth Sport Malta ngħaqad f’inizjattiva ta’ tindif f’San Ġiljan. Ilkoll flimkien, it-43 voluntier ġabru total impressjonanti ta ‘l fuq minn tunellata skart marittimu u skart ieħor mill-art.
Is-Sibt wara nofsinhar saru laqgħat sportivi, hekk kif Athletics Malta, il-Malta Golf Association u l-Malta Rugby Football Union ingħaqdu mar-Relay u ġabru lill-membri tagħhom madwar il-Baton. Il-Ħadd filgħodu, minkejja x-xita persistenti, it-tim tal-Beach Handball kompla bit-taħriġ tiegħu u laqa’ l-okkażjoni b’entużjażmu.
Commonwealth Sport Malta għamlet għażla konxja biex testendi l-firxa tar-Relay lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet kollha affiljati – inklużi dawk li l-isport tagħhom mhux inkluż fil-programm ta’ Glasgow 2026 – biex tkompli ssostni li l-ispirtu tal-Commonwealth jappartjeni lil kull atleta.
It-Tnejn, il-Baton qasam lejn Għawdex, fejn studenti mill-iskola Primarja tar-Rabat ħadu sehem f’jum sportiv divertenti u interattiv. Hekk kif il-Baton dar mal-gżejjer, ġibed l-attenzjoni ta’ nies kurjużi li waqfu jistaqsu mistoqsijiet u jieħdu ritratti.
Atleti identifikati għal selezzjoni possibbli għall-Logħob tal-Commonwealth Glasgow 2026 u l-Commonwealth Youth Games li se jsiru Malta fl-2027 kienu wkoll parti mill-vjaġġ, fosthom Sasha Gatt (Għawm), Aiden Muscat (Triathlon), Kayla Slack (Atletika), Sophie St John (Ġinnastika), u Tenishia Thornton (Weightlifting).
Konklużjoni Xierqa
Il-King’s Baton Relay intemm fir-Residenza tal-Kummissarju Għoli għal Malta fejn saret ċerimonja ospitata mill-Eċċellenza Tagħha Victoria Busby OBE sabiex jiġu rikonoxxuti dawk li taw il-kontribut tagħhom biex il-Baton Malti jieħu l-ħajja. Membri tat-tim tad-disinn tal-MCAST u rappreżentanti ta’ Żibel ingħataw ċertifikati u tifkiriet biex ifakkru l-okkażjoni.
“Il-King’s Baton Relay kien kapitlu tassew speċjali għal Commonwealth Sport Malta. Li naraw il-Baton jiddawwar fl-iskejjel, waqt clean-ups max-xatt, u minn faċilitajiet sportivi sat-toroq ta’ Għawdex, wera x’jirrappreżenta l-Commonwealth fl-aqwa tiegħu – konnessjoni, parteċipazzjoni u sens komuni ta’ għan. Aħna kburin immens bl-istudenti tal-MCAST, bl-organizzazzjonijiet sħab tagħna, u b’ kull voluntier u atleta li għamlu dan ir-Relay suċċess. Glasgow 2026 qed tistenna, u Malta se tkun lesta.”
– Julian Pace Bonello, President, Commonwealth Sport Malta

