Saturday, September 20, 2025

Malta tressaq il-kandidatura tagħha għall-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO

Aqra wkoll

Malta formalment issottomettiet il-kandidatura tagħha għall-Kumitat tal-Wirt Dinji fi ħdan il-UNESCO għat-terminu 2027-2031.  Din il-kandidatura qed taħbat ukoll hekk kif qed tiġi mmarkata s-sittin sena mis-sħubija ta’ Malta fil-UNESCO.

Dan il-Kumitat, li kien inħoloq mill-UNESCO bħala għodda li tippromwovi l-paċi u l-għaqda bejn il-poplu fl-1972, jiġi elett mill-196 stat membru firmatarju tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u l-Patrimonju Naturali.  B’din il-kandidatura, issa beda proċess li se jwassal għall-elezzjonijiet relattivi li se jsiru f’Novembru tal-2027 li matulu jsiru negozjati u taħditiet bejn id-diversi pajjiżi.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li matul ix-xhur u snin li ġejjin se ssir ħidma sabiex pajjiżna jkun fl-aħjar pożizzjoni li jiġi elett sabiex iservi fuq il-Kumitat tal-Wirt Dinji. F’każ li Malta tiġi eletta fuq il-Kumitat tal-Wirt Dinji, r-rappreżentanza nazzjonali tkun ibbilanċjata bejn uffiċjali mill-kamp diplomatiku u esperti tekniċi Maltin fil-qasam tal-wirt kulturali.

Il-Ministru Bonnici qal li l-kandidatura ta’ Malta għall-Kumitat tal-Wirt Dinji tfisser impenn konkret min-naħa ta’ Malta lejn il-multilateraliżmu, kif ukoll lejn il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt kulturali.

Din il-Konvenzjoni titmexxa minn kumitat magħmul minn 21 pajjiż li, fost ħwejjeġ oħra, jiltaqa’ sabiex jamministra l-fond għall-ħarsien tal-Wirt Dinji, u tieħu ħsieb il-Lista prestiġjużi ta’ Patrimonju ta’ Wirt Dinji.

Fuq il-lista tal-Wirt Dinji, Malta preżentament għandha tliet siti, li huma l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, it-Tempji Megalitiċi ta’ Malta (meqjusin bħala proprjetà waħda b’ħames komponenti) u l-Belt Valletta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport