Friday, November 15, 2024

“Malta trid li tkompli ttejjeb ir-relazzjoni bilaterali tagħha mal-Brażil”

Il-Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

“Malta tixtieq li tkompli ttejjeb ir-relazzjoni bilaterali tagħha mal-Brażil. Kien għalhekk li għażilna li niftħu l-ewwel ambaxxata tagħna fl-Amerika Latina propju f’dan il-pajjiż.” Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt numru ta’ laqgħat uffiċjali li kellu ma’ numru ta’ Ministri tal-Brażil.

Il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Ministru tal-Ekonomija Paulo Guedes, il-Ministru tat-Turiżmu Carlos Brito u l-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin Paulino Franco De Carvalho Neto.

Fiż-żjara uffiċjali li qed issir fil-Brażil, il-Ministru Ian Borg spjega li din id-deċiżjoni starateġika hija waħda importanti ferm u li għandha tkompli tibni fuq il-kooperazzjoni li teżisiti fuq bosta oqsma, fosthom anke dik tal-kummerċ.

Waqt il-laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija, Ian Borg qal kif Malta hija miftuħa sabiex tospita kumpaniji internazzjonali li jixtiequ jimirħu fin-negozju tagħhom anke fid-dawl tal-qgħada ġeografika li għandu pajjiżna bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika. Id-diskussjoni ukoll ħarset lejn il-possibilità li fiż-żmien illi ġej ikunu ffirmati numru ta’ ftehimiet li permezz tagħhom se jkunu qed igawdu ż-żewġ popli.

Min-naħa tiegħu l-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil qal li huwa ta’ privileġġ u unur li Malta għażlet lill-Brażil bħala l-ewwel pajjiż fejn se jkollu rappreżentanza fl-Amerika Latina. Huwa kompla jgħid li jħares ‘il quddiem sabiex Malta tkun sieħeb strateġiku importanti fil-Mediterran.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg sostna li jekk matul il-ġimgħa li ġejja pajjiżna jingħata l-fiduċja sabiex iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, se jkun ta’ unur li pajjiżna jkun jista’ jservi f’din il-fora tant importanti mal-Brażil matul l-2023 u b’hekk ikun anke jista’ jikkopera fuq materji importanti fejn tidħol il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Waqt id-diskussjoni li saret mal-Ministru tat-Turiżmu, ġie maqbul kif fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiġi ffirmat ftehim importanti li permezz tiegħu se tkun qed tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni li teżisti fl-oqsma tat-turiżmu, b’mod partikolari anke fid-dawl li ħafna studenti Brażiljani jagħżlu lil pajjiżna sabiex jistudjaw il-lingwa Ingliża.

Waqt din iż-żjara fil-Brażil, il-Ministru Ian Borg qiegħed ikun akkumpanjat mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar.

Ekonomija

Sport