Xi żmien ilu, tħabbar li Malta ressqet/se tressaq applikazzjoni biex issir membru tal-OECD – l-Organisation for Economic Cooperation and Development. Is-sħubija ta’ Malta f’din l-organizzazzjoni ilha problematika kważi minn żmien l-Indipendenza. Għall-bidu, konna nqisu li postna ma kienx fiha għax il-membri tagħha kienu fost l-aktar ekonomikament qawwija fil-pjaneta. Imma aktar u aktar pajjiżi Ewropej u oħrajn saru membri…
L-OECD isservi bħala forum għall-iżvilupp tal-politika ekonomika ma-dinja u tiġbor statistika dwar oqsma ekonomiċi u soċjali mifruxa. B’hekk tista’ tqabbel il-kisbiet ta’ pajjiżi differenti u tissuġġerixxi linji ta’ politika ġdida. Aħna bqajna maqtugħin kważi għal kollox minn din l-attività, li ma tidhirlix ħaġa tajba. Jaqblilna nkunu fil-fora fejn l-aħjar ideat u kummenti dwar il-qagħda ekonomika u soċjali tal-Ewropa u l-Mediterran jistgħu jissajru.
Ta’ min nisimgħu fejn waslet it-talba ta’ Malta biex tidħol f’din l-Organizzazzjoni.
L-OPPOŻIZZJONI
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg poġġa l-ewwel mitt jum mill-ħatra tiegħu bħala linja li timmarka x’irnexxielu jwettaq. Niddubita kemm din hi miżura adatta.
L-aqwa kejl ta’ mexxej ta’ partit fl-Oppożizzjoni hu dwar kemm jirnexxielu jibdel il-partit li jmexxi – jekk jixtieq jagħmel hekk – jew isostnih fil-mixja tiegħu “ta’ qabel”. Jew inkella xi taħlita bejn iż-żewġ għanijiet. Niddubita kemm dan jista’ jsir sempliċement wara tliet xhur. Tkun xi tkun l-għażla dwar x’għandu jsir, se jeħtiġilha ħidma li tinvolvi sigħat u ġranet twal ta’ impenn mas-saffi kollha ta’ x’jikkostitwixxi partit politiku.
Għaġla żejda jew wisq lajma f’kif dal-proċess jitmexxa t-tnejn huma ta’ dannu għall-Oppożizzjoni meta tiġi biex tiddistingwi ruħha mill-gvern tal-ġurnata.
SUQ KAPITALI WIEĦED
L-awtoritajiet Maltin dwar is-servizzi finanzjarji stqarrew li xejn ma jaqblu mal-proposti biex il-kontroll tal-muniti kripto jibdew isiru ċentralment mill-enti Ewropea, l-ESMA – il-European Securities and Markets Authority. Din tispiċċa tirregola l-politika tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi kripto, minflok l-awtoritajiet nazzjonali.
Bħal f’pajjiżi oħra, dawk ta’ Malta jqisu li żvilupp bħal dan jherri l-awtonomija tagħhom (anzi jiċħadha) biex jiċċentralizza l-kontrolli f’Pariġi minn fejn topera l-ESMA.
Biss, jekk qatt xi darba l-Unjoni Ewropea se jkollha suq kapitali wieħed, bilfors li trid titwettaq bidla hekk (għall-kripto u għall-oqsma finanzjarji l-oħra kollha). Ta’ spiss jiġi ripetut kemm l-Unjoni Ewropea teħtieġ li suq kapitali wieħed isir realtà. Minn esperjenza personali, naf kemm meta jiġu għas-si u n-no, l-awtoritajiet finanzjarji Ewropej jaraw kif iwaqqfu milli dil-ħaġa titwettaq, anke f’oqsma relattivament minuri tas-swieq finanzjarji (li s-swieq tal-kripto mhumiex). Mhux ta’ b’xejn li l-ħolqien ta’ suq kapitali Ewropew wieħed baqa’ mdendel.

