Tuesday, December 24, 2024

MALTA U N-NATO

Aqra wkoll

In-namrar ta’ Malta man-NATO mhuwiex spettaklu sabiħ. Wara li s-sħubija fil-Partnership for Peace ġiet imġedda (żball kbir), kellna l-assoċjazzjoni bħala osservatur tal-Parlament Malti fl-assemblea parlamentari tan-NATO, fejn anke ntbagħat rappreżentant min-naħa tal-gvern. U l-ġimgħa li għaddiet, il-ministru tal-affarijiet barranin kien mistieden u attenda f’laqgħat formali tal-miġemgħa tan-NATO f’Washington.

Assolutament ma naqbilx ma’ dawn l-iżviluppi. Imorru f’direzzjoni li tħott in-newtralità ta’ pajjiżna, li kif naraha jien hi l-aqwa kisba tagħna wara l-Indipendenza. Min iqis dil-fehma bħala mkewsa f’Mintoffjaniżmu antikwat, mhux jara aktar ’il bogħod mill-ponta ta’ imnieħru. Żgur li jien personali ma nistax nitqies bħala xi fanatku ta’ Mintoff. Daqskemm żgur ma nistax nitqies bħala xi anti-Amerikan: bogħod minn hekk u għal ħafna raġunijiet.

L-interess nazzjonali tal-gżejjer Maltin bħala stat indipendenti hu dak li hu u li rriduh ikun: l-esperjenza ta’ sekli turi li jinsab fin-newtralità. L-assoċjazzjoni li qed tinbena man-NATO permezz tan-namrar li jinsab għaddej tmur għal kollox kontra dan l-interess. 

DEFICIT EĊĊESSIV

Hu minnu li m’hemmx għalfejn allarm dwar id-defiċit fil-baġit ta’ Malta, mitqies “eċċessiv” għax ilaħħaq għal aktar minn 3 fil-mija tal-ekonomija kollha kemm hi. Il-gvern għandu pjan raġonevoli kif irażżnu; u d-dejn nazzjonali kollu kemm hu jaħbat anqas sew mis-60 fil-mija tal-ekonomija nazzjonali, li hi regola kardinali oħra tal-Patt Ewropew ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Xorta rridu noqogħdu attenti għal kif tiżviluppa l-ispiża tal-gvern. Ikun żball jekk biex inlaħħqu magħha, nibqgħu nistennew li l-ekonomija se tkompli tikber bir-rata sostanzjali tal-aħħar snin. Għax jekk din taħbat titħarrek b’lajma anqas, x’se jiġri?

Il-ħtieġa tibqa’ l-ħin kollu biex in-nefqa li jidħol għaliha l-istat titwettaq b’kontroll maħsub u ppjanat.

IN-NAZZJONALIŻMU EWROPEW

Waħda mill-akbar traġedji fl-Ewropa mis-snin tletin tas-seklu l-ieħor lil hawn kienet li l-kawża tan-nazzjonaliżmu nħakmet  minn elementi estremi, l-aktar tal-lemin li issa jiddominawha. Wara li n-Nażismu mexxiha lejn l-agħar atroċitajiet, l-estremi tal-lum qed imexxuha skont dommi soċjo-politiċi xenofobiċi u ta’ stmerrija.

Mentri kien in-nazzjonaliżmu Ewropew li ħa l-ħajja tiegħu mill-valuri mxettla fis-Seklu tad-Dawl u bena l-progress li ġarrbet l-Ewropa f’kull qasam. Bit-twettiq tad-demokrazija.  Tal-ugwaljanza u l-ħarsien soċjali. Tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kultura lil kulħadd. Kien in-nazzjonaliżmu li vara l-programmi progressivi li mmodernizzaw il-kontinent Ewropew.

Veru li miegħu daħlet ukoll ġirja kompetittiva bejn il-ġnus Ewropew għal kemm ikabbru r-riżorsi tagħhom fil-kontinent Ewropew u barra minnu. Imma din kienet waħda biss mit-toroq li fetaħ in-nazzjonaliżmu. 

Ħtija tal-fatt li l-estremi kkapparraw il-kawża tan-nazzjonaliżmu Ewropew, twarrbet it-tifkira tal-benefiċċji li ġabet magħha.

Ekonomija

Sport