Saturday, July 20, 2024

Malta u r-Rumanija jiffirmaw ftehim dwar it-tassazzjoni doppja

Aqra wkoll

Malta u r-Rumanija ffirmaw protokoll li se jsaħħaħ il-Ftehim tal-1995 dwar l-Evitar tat-Tassazzjoni Doppja u dwar il-Prevenzjoni tal-Evażjoni Fiskali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Luminita Odobescu ffirmaw il-ftehim nhar il-Ħamis, wara li ntemmew b’suċċess negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi.

F’kumment dwar dan l-iżvilupp, il-Ministru Ian Borg stqarr li l-ftehim jixhed ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi Ewropej. “Għandna rabtiet ta’ kummerċ promettenti f’diversi setturi, fosthom l-esportazzjoni Maltija ta’ prodotti farmaċewtiċi u elettriċi lejn ir-Rumanija u l-esportazzjoni ta’ ċereali, makkinarju, aluminju, prodotti farmaċewtiċi u plastiks mir-Rumanija lejn Malta. Għandna madwar 265 kumpanija Rumena bbażati f’Malta. B’erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn iż-żewġ pajjiżi, għandna wkoll potenzjal għal rabtiet aktar b’saħħithom anke fit-turiżmu,” qal il-ministru.

Il-Protokoll iffirmat il-Ħamis qed iġib il-ftehim tal-1995 konformi mal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, billi jagħti liż-żewġ gvernijiet ir-regoli u l-istrumenti biex jiżguraw li l-profitti jkunu intaxxati fejn tkun saret l-attività ekonomika, biex titwaqqaf l-evażjoni tat-taxxa.

Wara laqgħa bilaterali, iż-żewġ ministri indirizzaw ukoll konferenza tal-aħbarijiet. “Iddiskutejna sfidi komuni li qed niffaċċjaw fl-Ewropa u reġjuni oħra qribna, fosthom l-implikazzjonijiet tal-gwerra t’aggressjoni Russa fl-Ukraina fuq iż-żewġ pajjiżi u fuq il-komunità internazzjonali. Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani wkoll kienet fuq nett tal-aġenda,” spjega l-Ministru Ian Borg.

“Il-laqgħa tal-lum se tgħinna nkomplu nsaħħu l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi fis-snin li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Ian Borg, hekk kif irringrazzja lill-Ministru Odobescu talli laqgħet lid-delegazzjoni Maltija f’Bukarest.

Is-sena li għaddiet, Malta u r-Rumanija ċċelebraw il-55 anniversarju minn meta stabbilixxew ir-relazzjonijiet bilaterali fis-7 ta’ Ġunju 1968.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport