Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ltaqa’ mal-Ministru Slovakk għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Juraj Blanár għal taħditiet bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u s-Slovakkja u jiġu identifikati oqsma fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib flimkien, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
“Malta u l-Islovakkja jista’ jkollhom realtajiet differenti, iżda għandna interess komuni qawwi f’Unjoni Ewropea li tisma’ lill-Istati Membri kollha tagħha u li twassal soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi li qed niffaċċjaw flimkien,” qal il-Ministru Fearne.
Id-diskussjonijiet koprew għadd mill-isfidi ewlenin li bħalissa qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, fosthom il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-migrazzjoni u l-kompetittività. Il-Ministri identifikaw diversi oqsma fejn jaqblu, b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li l-politiki Ewropej jibqgħu prattiċi, proporzjonati u jqisu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri.
Ġew diskussi wkoll l-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea b’mod aktar wiesa’. Il-Ministru Fearne saħaq fuq l-importanza li s-sigurtà Ewropea titqies minn perspettiva ta’ 360 grad, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-isfidi fil-Lvant tal-Ewropa u fl-istess ħin tinżamm enfasi qawwija fuq l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Mediterran, b’mod partikolari fil-Libja.
Il-laqgħa mmarkat ukoll il-bidu ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bi tħejjija għaċ-ċiklu tal-Presidenzi tal-Kunsill fl-2030, meta Malta u l-Islovakkja se jkunu parti mill-istess Trio ta’ Presidenzi flimkien mal-Olanda. Iż-żewġ Ministri qablu li kooperazzjoni minn kmieni u koordinazzjoni regolari se jkunu importanti biex tinbena relazzjoni ta’ ħidma b’saħħitha u biex jgħinu jiġi żgurat ċiklu ta’ Presidenzi effettiv u koerenti.
Il-Ministri ddiskutew ukoll l-importanza li jinżamm il-bilanċ istituzzjonali xieraq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, filwaqt li qablu li kull Stat Membru, irrispettivament mid-daqs tiegħu, għandu jibqa’ jkollu vuċi effettiva u ugwali fit-tfassil tad-deċiżjonijiet Ewropej.
Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jibnu fuq ir-riżultati pożittivi tal-laqgħa u li jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni bejn Malta u s-Slovakkja fix-xhur li ġejjin.
Matul iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Fearne akkumpanja wkoll lill-Ministru Blanár għal laqgħa ta’ korteżija mal-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-Ministru Blanár kellu wkoll laqgħa mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela fil-Parlament ta’ Malta.

