Saturday, May 4, 2024

Malta użat mekkaniżmu tal-UE biex tat aktar minn €100,000 f’riżorsi lill-Ukrajna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-donazzjoni ta’ 25 mine detectors lill-Ukrajna setgħet tkun possibbli grazzi għall-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili u n-nefqa totali kienet ta’ €104,444.75.

Dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u Stati parteċipanti dwar il-protezzjoni ċivili, biex itejjeb il-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons għad-diżastri.

Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.

Il-Ministru Camilleri saħaq li Malta kontinwament għażlet li tibgħat għajnuna umanitarja lil popli oħra fi żmien diffiċli, inkluż lill-poplu Ukren. Huwa kompla biex jgħid li Malta bagħtet din l-għajnuna wara li rċeviet korrispondenza mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, u mill-Kummissarju Għoli għal Ġestjoni ta’ Kriżijiet, Janez Lenarčič, li kienet tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għat-talba, li saret mill-Ukrajna, għal assistenza ta’ demining. 

Il-Ministru kkonferma wkoll li t-trasport sar permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili

Din ma kinitx l-ewwel darba li pajjiżna bagħat għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren u dan hekk kif madwar sena ilu kien bagħat generators lill-istess pajjiż. Dan hekk kif pajjiżna ma setax jibqa’ passiv quddiem il-karba tal-awtoritajiet Ukreni dwar is-sitwazzjoni kritika ta’ ċittadini li sfaw vittmi tal-attakki li komplew jiħraxu b’mod speċjali dawk fuq l-impjanti tal-elettriku f’temperaturi ta’ kesħa estrema. Matul is-sena li għaddiet l-istess Dipartiment bagħat għajnuna lit-Turkija, is-Sirja, il-Greċja u l-Libja.

Sport