Friday, May 3, 2024

X’inhuma l-kriterji li jistabilixxu jekk vettura hijiex tajba għat-triq? 

… 15-il ġurnata ċans għal vetturi li jfallu t-test biex jiġu rranġati

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ittestjar tal-vetturi minn Transport Malta jista’ jsir fuq diversi kriterji. Uħud mill-vetturi jiġu mwaqqfa waqt roadside inspections. Oħrajn jiġu msejħa wara li tinġibed l-attenzjoni permezz tal-SMS Alert Campaign, kif ukoll l-App tal-MRTU (Malta Road Traffic Update). Vetturi oħra li jiġu nnotati jinsaqu fit-toroq kemm minn uffiċjali tal-Awtorità kif ukoll minn entitajiet ta’ infurzar oħra, jiġu ukoll imsejħa (notifikati permezz ta’ ittra) għal spezzjoni.

Ikkonferma dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi Chris Bonett waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat nazzjonalista Adrian Delia.

Il-Ministru Bonett kompla biex jikkonferma li f’każ ta’ rapport, l-Awtorità tibgħat għall-vettura konċernata sabiex tiġi ttestjata. Saħaq li biex ma jkunx hemm abbuż, rapporti ma jistgħux isiru b’mod anonimu. Madankollu, l-Awtorità iżżomm kunfidenzjali ir-rapporti li tirċievi u min ikun għamilhom.

Żied jispjega li wara li jsir test, jinħareġ rapport bir-riżultati tat-test (Inspection Form) u s-sid jingħata kopja.

F’każ li vettura tkun fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni, u ma jinstabux difetti, it-test jieqaf hemm u s-sid jingħata ċertifikat tar-riżultat li jkun jindika bħala “Passed Test”. 

Min-naħa l-oħra meta vettura jkollha difetti u/jew ħsarat li jridu jiġu rranġati, is-sid jingħata appuntament għat-tieni spezzjoni li ssir 15 il-ġurnata wara. Jekk il-vettura ma tersaqx għat-tieni spezzjoni kif mitlub, il-liċenzja tal-vettura tiġi ristretta, jiġifieri il-liċenzja ta’ dik il-vettura ma tkunx tista’ tiġi mġedda. Meta vettura tinstab mhux tajba għat-triq, jittieħdu il-pjanċi tar-reġistrazzjoni u l-vettura tiġi irmunkata bi spejjeż għas-sid u mneħħija mit-triq. 

“Meta u jekk din tissewwa, il-vettura trid tgħaddi minn spezzjoni qabel ma jingħataw lura l-pjanċi tar-reġistrazzjoni”, spjega l-Ministru Bonett.

Sport