Saturday, December 21, 2024

Malta v Kuwajt – Il-coach Mangia jrid li t-team Malti jkompli jibni fuq ir-rebħa kontra Azerbaijan

Aqra wkoll

Għall-partita ta’ ħbiberija tal-lum bejn Malta u l-Kuwajt ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet fis- sala tal-konferenzi tal-Ista­dium Nazzjonali fejn il-coach nazzjonali, Devis Mangia, saħaq li t-team irid ikompli fuq it-tajjeb li wettaq fil-logħba kontra Azerbaijan biex jinkiseb riżultat ieħor pożittiv.

Mangia qal li dejjem hemm lok għal titjib speċjalment fil-mod ta’ kif il-players iridu jinterpretaw din il-partita.

“Kellna ħafna opportunitajiet waqt il-partita kontra Azerbaijan … skorjajna goal wieħed biss u b’aktar attenzjoni stajna skorjajna aktar goals.” 

Il-coach Taljan tenna li wara kważi sentejn u nofs fit-tmexxija tat-team, qed jara li l-players qed jidraw is-sistema tiegħu għalkemm ikun hemm mumenti fejn l-emozzjoni tagħmel tagħha, l-istess bħalma ġara fil-konfront ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda. 

“Ikollna mumenti tajbin ħafna matul il-logħba iżda meta nikkonċedu l-pussess tal-ballun lill-avversarji,  nik­­kommettu ċerti żbalji fi tliet kwarti ta’ ground, jista’ jkun hemm riperkussjonijiet kbar.”

Huwa tkellem dwar l-avversarji tal-lum li huma team li jinsab fil-143 post fir-rankings tal-FIFA u li għadu kemm inħatar coach ġdid proprju fix-xahar li għadda.

Mangia qal li minn dak li ra fil-logħba bejn il-Kuwajt u l-Latvja, li spiċċat fi draw ta’ 1-1, l-avversarji tagħna tal-lum huma ferm veloċi speċjalment fil-kontrattakki fejn huma wkoll ferm perikolużi. 

Huwa proprju f’dan il-punt li d-difensuri tagħna jridu joqogħdu attenti. Huwa tenna li jekk il-players jinżlu bil-mentalitá pożittiva teżisti possibbiltá kbira li jinkiseb ir-riżultat mixtieq. 

Meta mistoqsi jekk il- player ta’ St Johnstone, James Brown, huwiex se jin­għata d-debutt, il-coach nazzjonali wieġeb li dan jista’ ma jkunx il-każ minħabba li l-player għadu qed ibati minn injury li mhux tħallih jilgħab kif jixtieq. 

Għaldaqstant huwa jrid jistenna sal-aħħar sigħat sabiex jiddeċiedi jingħatax id-debutt jew le.

Dan filwaqt li Mangia informa lil dawk preżenti li Paul Mbong żgur li mhux se  jkun utilizzat hekk kif jinsab mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena li llum se jaffronta lil Litwanja.

Tkellem ukoll l-attakkant ta’ Hibernians, Jurgen De­gab­riele, fejn qal li huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li tis­korja goal għal pajjiżek għalkemm kif qal tajjeb il-coach Mangia, intilfu diversi okkażjonijiet quddiem il- lasti avversarji. 

Huwa sostna li t-team qed jidra s-sistema tal-coach u jittama li jkomplu għaddejjin bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi li saru dan l- aħħar.

Għall-kronaka, it-team tal-Kuwajt huma mmexxi mill-coach Ċek, Viteszlav La­vicka. 

Huma ħadu sehem fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 fejn spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp B li kien jinkludi l-Awstralja, il-Ġordan, in- Nepal u ċ-Chinese Taipei.

Bader Al Mutawa jgawdi l-akbar rappreżentanza għal pajjiżu b’total ta’ 186 partita.

Intant, il-partita se tintlagħab fis-7.00 pm u se tintwera diretta fuq TVM News+.

Ekonomija

Sport