Tuesday, April 30, 2024

“Il-PN spiċċa ‘hijacked’ minn klikka li tinħeba wara tikketti bħal ‘soċjetà ċivili’”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan l-attivist soċjali Michael Grech

L-attivist soċjali Michael Grech, f’kummenti li għadda lil Talk.mt dwar ir-rebħa kbira li saret mill-Partit Laburista iddikjara li ““l-Partit Nazzjonalista spiċċa ‘hijacked’ minn klikka li tinħeba wara tikketti bħal ‘soċjeta` ċivili’, li mingħalija titkellem f’isem il-poplu”.

Michael Grech qal li “hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid, u hu żgur li bħal issa forsi hu l-mument l-anqas tajjeb biex issir analiżi minħabba l-ewforija kollettiva. Li hu żgur hu li l-Partit Laburista irnexxielu jżomm il-koalizzjoni wiesgħa ta’ gruppi u klassijiet fis-soċjetà li kien irnexxielu jibni Joseph Muscat. Din tibda minn dak li kien l-elettorat tradizzjonali tal-partit (anke jekk setgħa kien hemm xi telf hawn, din jidher li ma marritx għand il-Partit Nazzjonalista), għal setturi bħall-‘big business’, u l-kuntratturi kbar u żgħar fil-qasam tal-bini, li tradizzjonalment kienu jsostnu l-kamp Nazzjonalista.”

Tenna li “hawnhekk kienet għaqlija l-idea li l-elezzjoni ssir fl-ewwel opportunità possibbli (l-aħħar data li setgħet issir qabel iż-żjara tal-Papa u l-festi tal-Għid), għax is-sitwazzjoni li tistà tiżviluppa fix-xhur li ġejjin fid-dawl tal-għoli tal-prezzijiet marbuta ma’ fatturi ta’ kummerċ internazzjonali u l-kriżi Russo-Ukrena, kif ukoll l-impatt li ser ikollhom l-issikkar u telf ta’ swieq marbuta mal-bejgħ tal-passaporti, jistgħu jagħmlu l-qagħda għall-gvern t’Abela waħda skomda. Jekk, ngħidu, aħna ċ-ċirkustanzi jiġu b’tali mod li, biex il-qagħda ta’ ċerti faxxex tas-soċjeta` li s’issa jivvutaw l-aktar PL ma titbaxxiex, ikun hemm bżonn żieda sostanzjali fil-paga (ħaġa li għandha mnjen tutra l-big business) il-partit ħa jkun kapaċi jagħmel dan b’mod li din il-koalizzjoni li tappoġġah ma tixxellifx?”. 

Enfasizza li “minn naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista, għat-tieni darba konsekuttiva minn meta tilef taħt Gonzi, baqa’ fejn kien f’termini ta’ voti. Anzi, jekk wieħed jara n-numru ta’ nies relattivament kbir li ma marx jivvota – fattur interessentissimu li ma tistax b’mod arroganti twaħħallu tikketta ta’ indifferenza – mar saħansitra aktar lura, jekk bosta minn dawn l-eluf t’eletturi li ma riedux jappoġġaw lill-gvern, ma rawx fil-partit ta’ Bernard Grech alternattiva valida.  Niftakarni ħames snin ilu nikteb li l-partit taħt Simon Busuttil ma għamilx il-homework, u beda analiżi serja’ ta’ liema klassijiet u gruppi telqulu u m’għadux jirrapreżenta, u jekk jagħmilx sens jipprova joqrob realment – minkejja r-riskji li dan jinvolvi – lejn setturi tas-soċjetà li tradizzjonalment kienu u baqgħu mal-Partit Laburista, minkejja li fl-aħħar snin setgħu ma stgħanewx daqs gruppi oħra. Kompla jgħid li “l-partit spiċċa ‘hijacked’ minn klikka li tinħeba wara tikketti bħal ‘soċjeta` ċivili’, li mingħalija titkellem f’isem il-poplu, imma tirrapreżenta biss liha nfisha. (Bħala xi ħadd li jgħix f’raħal tradizzjonali, li hu wkoll fortizza Nazzjonalista, hu faċli wkoll ninduna kemm lanqas biss tirrapreżenta bosta mill-votanti tal-partit.) Żamm ukoll sens ta’ superjorità falza, u anke attudni arroganti u dommatika lejn l-istorja tiegħu, b’ripetizzjoni ta’ sentenzi bla sens bħal dik li l-partit dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. (Kif kien jinnota l-mibki Patri Ġwann Xerri, mit-tlett organizazzjonijiet kbar f’Malta – il-Knisja u ż-żewġ pariti – il-PN biss qatt m’għamel qrara dwar il-passat, u rrikonoxxa d-drabi fejn kellu raġun ħaddieħor.)”

Qal ukoll li “fid-dawl tar-riżultat ukoll, dehret kemm kienet ħażina d-deċiżjoni li jitneħħa Adrian Delia minn mexxej. Mhux għax dan seta’ jirbaħ l-elezzjoni, imma għax kompliet qasmet partit ġa dgħajjef. Il-persuna mlaħħqa minn floku ma kinitx kapaċi tagħmel l-impatt li suppost kellha tagħmel. Infatti, f’rabta ma Dr Grech, id-deċiżjoni kienet ħażina għalih stess. Kieku sar mexxej wara elezzjoni mitlufa (ħaġa li ilha ovvja snin), setgħa kien ikollu leġislatura sħiħa biex jipprova jagħti lill-partit direzzjoni jew liwja. U la qed insemmu l-mexxejja, l-elezzjoni kienet trijonf għal Robert Abela, għax bil-maġġoranza miksuba għandu mandat u m’għadux fid-dell ta’ predeċessur tiegħu Joseph Muscat.”

Jisħaq li “tal-aħħar xtaqt ninnota l-fatt li f’din l-elezzjoni ġenerali ivvutaw għall-ewwel darba żagħżagħ ta’ sittax-il sena. Bħala xi ħadd li jaħdem ma żagħżagħ ta’ din l-età, għandi l-impressjoni li dawn iqisu l-Partit Laburista bħala il-partit naturali tagħhom. L-elezzjoni tal-Pulse il-Junior College, u r-‘rebħa’ għall-ewwel draba tal-mexxej Laburista fl-ispettaklu tal-mistħija li jkun hemm kull elezzjoni fis-suppost dibattitu tal-Università, donnhom jikkonfermaw dan. Ikun interessanti jekk isir studju fuq kemm swiet elettoralment il-karta li l-lagħab il-Partit Laburista li jagħti l-vot lil din is-sezzjoni tal-poplu.”

Sport