Wednesday, April 24, 2024

Malta Veterans: Zejtun Red Stars jibqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ

Aqra wkoll

Zejtun Red Stars baqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ meta rebħu d-dwell iebes li offrewlhom Birkirkara St Helens 3-2 f’rawnd ieħor ta’ logħob li ntlagħab mill-VMFA Hyundai Premier League.

Kienet logħba ferm mistennija bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika. Birkirkara kienu dejjem minn fuq iżda ż-Żwieten dejjem wettqu risposta sakemm saħansitra skorjaw il-gowl tar-rebħa.

Kien Claudio Calleja li poġġa lil Birkirkara minn fuq sabiex Nikolay Filipov ġab l-iskor indaqs għar-Red Stars. 
Calleja skorja t-tieni gowl personali tiegħu sabiex poġġa lill-Karkariżi fil-vantaġġ għalkemm Gilbert Camilleri Lowell reġa’ ġab l-iskor indaqs għal Żejtun.

Noel Tabone skorja l-gowl rebbieħ għal Żejtun li bih jinsabu bi 13-il punt wara ħames logħbiet.

MFPA ħadu vantaġġ mit-telfa ta’ Birkirkara sabiex issa jinsabu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Gżira United.

Stephen Wellman u Michael Mifsud taw vantaġġ ta’ 2-0 lil MFPA b’Alex Muscat jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Gżirjani.

Minkejja kollox, l-MFPA baqgħu bl-ideat ċari u skorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Alexander Ribic u Carlo Mamo.

Pieta’ Hotspurs għelbu lil Rabat Veterans 6-3 f’logħba ferm movimentata.

Il-Hotspurs stabilixxew vantaġġ ta’ 3-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Mario Crupi u gowl ieħor ta’ Lawrence Vella. Fabio Cauchi naqqas il-marġni tal-iskor għal Rabat.

Minkejja kollox, Jeffrey Chetcuti reġa’ skorja għal Pieta’ b’Justin Felice jerġa’ jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Rabat.

Sunday Ikenchukwu skorja żewġ gowls oħra għal Pieta’ qabel ma’ Felice skorja t-tieni gowl personali sabiex jagħmel l-iskor finali 6-3.

F’logħba ferm bilanċjata, Luxol St Andrews u Żurrieq Wolves temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 4-4.

Kien Michael Galea li poġġa lil Luxol minn fuq bi Clarence John Conger Thompson jiskorja doppjetta sabiex dawwar ir-riżultat favur it-tim tiegħu.

Andrew De Cesare u żewġ gowls ta’ Luke Satariano għamlu l-iskor 4-2 favur Luxol għalkemm il-Wolves ma ċedewx l-armi tant li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Thompson u Steven Marc Sadowski.

VMFA Hyundai Premier League – KLASSIFIKA

Żejtun Red Stars 13, MFPA 12, Birkirkara St Helens 9, Pieta’ Hotspurs 7, Gżira United 6, Luxol St Andrews 5, Rabat Veterans 4, Żurrieq Wolves 1.

Sport