Thursday, April 25, 2024

MALTEMP

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kemm tinsab imħejjija l-ekonomija Maltija għall-maltemp li jista’ jinqala’?

Hi mistoqsija li trid tiġi mpoġġija ta’ sikwit, mingħajr ma dan bilfors ifisser li se nkunu qed naqgħu f’xi pessimiżmu storiku jew li se nagħtu d-dritta għal min irid jilgħabha ta’ Kassandra.

Matul is-snin, l-ekonomija uriet resiljenza, mhux dejjem malajr malajr, imma qatt il-kriżi ma twalet biex tilħaq livelli diżastrużi. Biss, kif jgħid il-qawl Malti: Aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.

Dal-proċess jibda billi wieħed jifhem x’jistgħu jkunu s-sorsi tal-maltemp, jekk humiex ġejjin minn ġewwa, minn barra jew mit-tnejn. Minn hemm wieħed jitlaq biex jara kif dal-maltemp jista’ jiżviluppa u xinhuma l-għodod u l-maniġġi jkunu għad-dispożizzjoni ta’ min qed imexxi, biex jilqa’ għalihom.

Hu proċess li kull pajjiż u kull kumpanija ta’ stoffa iniedu regolarment. Fhimt dil-ħaġa dan l-aħħar meta kumpanija mdaqqsa sew stednitni nara kif huma jagħmlu il-previżjonijiet tat-tul tagħhom dwar kif jista’ jitqanqal l-għawġ fil-futur għas-sistemi tagħhom ta’ sigurtà fuq il-pagamenti li jmexxu mad-dinja kollha.

***

MIN QIEGĦED LURA SE JAQA’ AKTAR LURA

Bl-inflazzjoni tinfirex u bis-sens ta’ insgurtà li ġabet magħha l-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna, il-kondizzjoni ekonomika taċ-ċittadini fl-Ewropa, Malta inkluża, se taqla’ daqqa. Hemm min se jkun jista’ jilqa’ għaliha, hemm min le.

Diġà jidher madankollu li x’aktarx l-aktar li se jmorru ħażin huma dawk li diġà mhumiex tat-tajjeb. M’għandhomx dħul biżżejjed biex jilqgħu minnu għaż-żidiet fil-prezzijiet u mhuwiex ċar li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali se jkunu jistgħu jilqgħulhom huma.

Bqajt mistagħġeb dan l-aħħar bir-rapporti li beda jġib il-ġurnal Bild ta’ anzjani Ġermaniżi li bil-pensjoni li għandhom qed iħossuhom jegħrqu…

***

IX-XELLUG FI FRANZA

Qatt ma niftakar lix-xellug fi Franza daqstant imkisser. U fl-istess ħin b’daqstant “mexxejja” li minkejja li għandhom appoġġ minimu (kif juru r-riżultati elettorali) jippretendu li tgħaddi tagħhom. Dan hu dnub kbir, mhux l-anqas għax ix-xellug Franċiż għandu tradizzjoni kbira ta’ politika soċjali u ekonomika li uriet kif Franza tista’ timmodernizza waqt li ssostni l-ġustizzja soċjali.

Donnu nitlef in-nifs ideoloġiku jew ittrasforma ruħu sempliċement f’rankatura pro-Ewropea li ma ħalliet l-ebda spazju għall-iżvilupp ta’ lingwaġġ politiku li jindirizza direttament dak li l-poplu Franċiż iġarrab u jaspira għalih. Magħqud ma’ dan il-fatt li (forsi wkoll minħabba f’hekk) il-politika li x-xellug jippreżenta ftit tista’ tinħass differenti minn dik tal-lemin — ħlief meta titħabbel ma’ kwistjonijiet “ħodor”, fejn imbagħad il-partit tal-ħodor bilfors li joħroġ aħjar.

Xorta ma nistax nemmen li x-xellug Franċiż riesaq lejn it-tmiem ta’ dejjem.

Sport