Wednesday, October 9, 2024

Maltin jaraw valur fl-istudju fir-Renju Unit iżda mħassbin minħabba Brexit

Aqra wkoll

Studenti Maltin li jkunu jridu jkomplu jistudjaw barra, jikkunsidraw universitajiet fir-Renju Unit l-iżjed biex jistudjaw il-mediċina, l-inġinerija, il-management kif ukoll biex jistudjaw l-accounting u s-saħħa u s-sigurtà, skont id-Direttur tal-British Council Ingrid Eomois.

Hija kienet qed titkellem hekk kif il-British Council wasal biex jorganizza fiera edukattiva online sabiex tippromwovi l-istudju fir-Renju Unit – Study UK: The Essentials, li mistenni jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Ottubru.

Waqt din il-fiera edukattiva online li se tkun miftuħa għall-istudenti undergraduate u postgraduate, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ 51 università minn madwar ir-Renju Unit – inklużi ħamsa mill-aqwa għaxar universitajiet fir-Renju Unit u tnejn mill-aqwa għoxrin università fid-dinja.

Ħafna mill-universitajiet li se jkunu qed jipparteċipaw se jkunu qed iniedu wkoll l-aktar scholarships ġodda tagħhom li se jkunu miftuħin għal studenti Ewropej.

“Minn riċerka li wettaq il-British Council, illum nafu li l-istudenti minn madwar l-Unjoni ewropea, jaraw ħafna valur fl-istudju fir-Renju Unit iżda jsibuha diffiċli jippjanaw l-istudji tagħhom minħabba nuqqas ta’ informazzjoni. Nafu wkoll li għal ħafna studenti, l-universitajiet fir-Renju Unit huma l-aqwa sors ta’ informazzjoni għal dawk li jixtiequ jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-istudju tagħhom fir-Renju Unit. Din il-fiera edukattiva online għalhekk, għandha tkun opportunità għall-istudenti kollha biex jitkellmu direttament ma’ dawn l-universitajiet,” żiedet tgħid Ingrid Eomois.

Andrew Critien, gradwat mill-Università Anglia Ruskin University qal li d-deċiżjoni biex jistudja f’università fir-Renju Unit kienet waħda li biddlitlu ħajtu. “Jekk irrid nagħti parir wieħed kruċjali lil kull student li qed jaħsibha, ngħidilhom biex jaħsbu sew dwar x’karriera jixtiequ, x’inhi l-ambizzjoni ta’ ħajjithom u xi stil ta’ ħajja jixtiequ. Jeżistu ħafna programmi edukattivi jiġifieri agħmlu r-riċerka tagħkom sewwa, kellmu lil min suppost tkellmu u żgur li ssibu l-aħjar soluzzjoni ta’ studju għalikom.”

Sabiex tirreġistra għal din il-fiera edukattiva online organizzata mill-British Council, segwi l-link: https://bit.ly/3hpVA4f

Sport