Monday, May 13, 2024

In-nirien f’Kalifornja… L-akbar siġra fid-dinja protetta b’materjal apposta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

In-nirien fil-Kalifornja qegħdin iħassbu lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar minħabba li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-akbar siġra fid-dinja – il-General Sherman. Bil-għan li jipproteġu lil din is-siġra ġganteska ta’ sbuħija liema bħalha, il-pumpieri ddeċidew li jgeżwruha b’kutri tal-aluminju apposta biex ma tinħaraqx.

Is-siġar antiki u kbar ħafna tal-park nazzjonali ta’ Sequoia fil-foresta magħrufa bħala l-“Giant Forest” qegħdin jinħakmu min-nirien li ħakmu Sierra Nevada fil-Punent ta’ Kalifornja. Dan minkejja ħidma intensiva mill-pumpieri li f’dawn l-aħħar ġimgħat ippruvaw jipproteġu lis-siġar storiċi. 

In-nirien ikkawżati minn żewġ sajjetti nfirxu għal aktar minn 101 kilometri kwadri wara li ħakmu siġar ta’ tipi differenti li wkoll jinsabu fiż-żona muntanjuża.

Il-“Giant Forest” għandha fiha madwar 2,000 siġar tat-tip Sequoias, inkluża s-siġra “General Sherman” li hija kkonsidrata bħala l-akbar siġra fid-dinja ta’ attrazzjoni turistika kbira.

Ħaddiem tat-tifi tan-nar ħadu ħsieb li jimmonitorjaw in-nirien u jinsabu operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ dawn is-siġar storiċi. Is-sequoias huma tip ta’ siġar li jikbru għoli medju ta’ 67 metru, 6.1 metri f’ċirkonferenza u huma antiki 1,500 sena. 

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar ħafru b’idejhom stess kanali fil-ħamrija u tefgħu ilma biex jippruvaw jipproteġu lis-siġar kif ukoll għamlu għadd ta’ evakwazzjonijiet ta’ persuni fl-inħawi. Fost strutturi li s’issan ntilfu hemm dik magħrufa bħala l-Mule Peak li nħarqet fil-bidu tan-nirien. Dan minkejja li din l-istruttura wkoll kienet mgeżwra b’materjal reżistenti għan-nar.

Din is-sena waħidha Kalifornja sofriet aktar minn 7,500 wildfires li qerdu madwar 9,324 kilometri kwadri ta’ art. Kważi nofs din l-art meqruda nħarqet mid-Dixie Fire li nfirex f’ħames żoni fit-Tramuntana ta’ Sierra u n-Nofsinhar tar-reġjun Cascades. Dan kien it-tieni l-agħar nar fl-Istorja tal-Kalifornja u 90% minnu kien ikkontrollat wara li qered mill-inqas 1,329 djar, negozji u strutturi oħra. 

Nixfa u bidla fil-klima qegħdin jagħmluha aktar diffiċli biex in-nirien ikunu kkontrallati. Dawn in-nirien qatlu miljuni ta’ siġar f’Kalifornja u x-xjenzat jsostnu li l-bidla fil-klima żiedet it-temperatura fil-Punent kif ukoll ġiet irreġistrata l-agħar nixfa f’dawn l-aħħar 30 sena. Din is-sitwazzjoni mistennija li tkompli tiggrava b’konsegwenza ta’ temperaturi estremi li se jikkawżaw aktar nirien qerrieda.

Sport