Saturday, May 4, 2024

Tittrippla r-rata tal-pazjenti li jsiefru għall-kura tal-kanċer

Puttinu Cares fl-aħħar fażijiet li jagħlaq xirja ta’ binja fiċ-ċentru ta’ Londra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-kanċer hija marda kiefra li globalment f’sena huwa stmat li jkun hemm 19.3 miljun każijiet ġodda u minnhom imutu kważi 10 miljun pazjenti. Il-kanċer tas-sider fin-nisa, li għalih niddedikaw il-Pink October, sar l-aktar kanċer komuni djanjostikat fid-dinja.

Talk.mt tkellem ma’ Rennie Zerafa u Angele Cuschieri minn “Puttinu Cares” fejn qalulna li matul is-snin ir-rata tal-pazjenti li jsiefru għall-kura tripplat u huwa għalhekk inħass il-bżonn ta’ aktar appartamenti biex jintużaw bla ħlas fil-perjodu li jkunu għall-kura fi sptarijiet speċjalizzati barra minn Malta.

Statistika maħruġa minn “The Global Cancer Observatory” wriet li fl-2020 kellna 2,500 każijiet ġodda ta’ kanċer u mietu 966 pazjenti. L-aktar każijiet prelevanti ta’ kanċer jirriżultaw tas-sider (403), tal-prostata (336), tal-pulmun (258), tal-kolon (201) u tal-bużżieqa tal-urina (145). L-ogħla rata kemm ta’ każijiet ġodda, kif ukoll ta’ mwiet hija fost is-sess maskili.

Puttinu Cares, li ra t-twelid tiegħu f’Ottubru tal-2002 minn Rennie Zerafa u Dott. Victor Calvagna, hija organizzazzjoni non-governattiva li l-iskop tagħha huwa li jnaqqsu t-tbatija lit-tfal morda bil-kanċer.  Maż-żmien, bdiet tinħass il-ħtieġa ta’ għajnuna mhux fit-tfal biss, imma anke liż-żgħażagħ u lill-adulti li jiġu bżonn trattament għal kura barra minn Malta. 

Għal dan l-iskop Rennie u Angele, li daħlet fit-tim ta’ Puttinu ftit wara, għazlu tim ta’ volontiera u kkordinaw proġetti kbar barra fl-Ingilterra fejn illum il-ġurnata Puttinu għandu 20 apartament u jikri sitta oħra gewwa Sutton.  Dawn l-appartamenti qegħdin jibbenefikaw minnhom tul dawn l-aħħar snin mijiet ta’ pazjenti u l-familjari tagħhom Maltin bla ħlas.

Minħabba li r-rata ta’ pazjenti li jsiefru għall-kura żdiedet daqstant Zerafa qal li, “reġa’ nħass il-bżonn ta’ aktar appartmenti u din id-darba bi sfida akbar fiċ-ċentru ta’ Londra”.  Huwa qal li f’dawn l-aħħar snin għamlu tfittxija intensiva għal binja li tkun addattata għal dawn il-pazjenti. Din il-binja rieduha li tkun viċin l-isptarijiet, li tkun bla ċens u jkollha l-permessi kollha f’posthom. 

“Hawnhekk rega’ nstab tim ta’ professjonisti f’dan il-qasam fosthom periti, inġiniera u avukati. Qegħdin fl-aħħar fażijiet biex nagħlqu x-xirja ta’ din il-binja. Jekk jirnexxielna f’dan il-proġett 80 fil-mija tal-pazjenti u l-familjari tagħhom li jiġu bżonn l-akkomodazzjoni fl-Ingilterra tkun b’xejn,” ħabbar Zerafa.   

It-tim ta’ Puttinu Cares

Rennie Zerafa huwa ners fil-ward tat-tfal morda bil-kanċer u kien organizzatur li ħa inizjattiva jbiddel l-atmosfera fil-ward filwaqt li beda jorganizza diversi attivitajiet oħra.  Dott. Calvagna kien l-ewwel konsulent onkologista tat-tfal f’Malta.  Flimkien dawn għaqdu l-kumitat ta’ Puttinu Cares. Ftit wara dahlet Angele Cuschieri li flimkien ma’ Rennie Zerafa bdew jikkordinaw attivitajiet nazzjonali fejn sabu mijiet ta’ voluntiera jgħinuhom.

Sport