Thursday, April 18, 2024

Maltin jirrappurtaw dwar katavri fuq xulxin u riħa ta’ ħruq kullimkien fl-Ukrajna

Maltin li esperjenzaw il-gwerra jisħqu li l-istil ta’ ħajja li ngħixu ma jgħinx biex nimmaġinaw ir-realtà fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Neil Camilleri u Giuseppe Attard riċentement marru għal esperjenza partikolari fl-Ukrajna. Kif nafu f’dan il-pajjiż bħalissa għaddejja l-gwerra hekk kif il-forzi Russi litteralment farrku l-bini u l-infrastruttura kollha tal-Ukrajna. Minkejja kollox, dawn tal-aħħar qatt ma qatgħu qalbhom u għadhom determinati li jibqgħu jissieltu sabiex iħallu lill-avversarji tagħhom ’il bogħod kemm jista’ jkun mill-mira tagħhom li jaħkmu f’idejhom il-pajjiż.

Rajna xeni ta’ dmija u mewt fuq is-settijiet tat-televiżjoni, xeni li ċertament lanqas biss konna noħolmu li jistgħu jiġru fis-sena 2022. Nies Ukreni li litteralment kellhom jaħarbu minn djarhom u jmorru jsibu kenn f’pajjiż ieħor filwaqt li oħrajn kellhom jsibu refuġju f’bunkers taħt l-art.

Żewġ Maltin jesperjenzaw mill-qrib il-gwerra

Sadanittant Neil Camilleri u Giuseppe Attard iddeċidew li jgħixu din l-esperjenza aktar mill-qrib. Deċiżjoni li żgur li ma kinitx faċli iżda li huma kellhom rieda li jagħmluha.

Camilleri hu wieħed mill-edituri tal-gazzetta The Malta Independent filwaqt li Attard hu ġurnalist u fotografu.

Dan is-sit tkellem ma’ Neil u Giuseppe fejn irrakkuntawlna dak li raw verament fl-esperjenza tagħhom fl-Ukrajna.

Neil Camilleri qalilna li raw ħafna affarijiet li żgur qatt ma basru li setgħu jesperjenzaw. Kien għall-ħabta tal-bidu t’April li ddeċidew li jitilgħu sabiex jirrappurtaw dak li kienu qed jaraw.

“Rajt pajjiż assedjat mir-Russi. Kienu xeni tal-biża’ li diffiċli tispjegahom. Aħna qgħadna ġo bini tas-Sależjani li laqgħuna u tawna merħba liema bħalha. Ix-xeni tibda tidrahom; suldati mejta, tankijiet tal-gwerra maħruqa, splużjonijiet jheżżu s-smewwiet u ħafna iktar affarijiet tal-biża’.”

Camilleri jgħidilna li l-ewwel togħma li ħadu ta’ hemmhekk xejn ma kienet sabiħa u dan kien il-preludju għal dak li kien ġej fil-ġimgħat ta’ wara.

Suldati neqsin minn affarijiet bażiċi bħalma huma toilets

Meta marru fil-belt kapitali Ukrena Kiev, setgħu jinnutaw kif is-suldati ma kellhomx affarijiet bażiċi magħhom bħal toilets u showers apparti li minn dak iż-żmien ‘l hemm xejn ma kien ippjanat u kollox kien f’idejn id-destin.

Neil jgħidilna li darba fost l-oħrajn meta kienu qed isuqu fil-pajsaġġ ftit kilometri ‘l bogħod minn Kiev, jisimgħu sparatura jew aħjar numru ta’ sparaturi fid-direzzjoni tagħhom. Hemmhekk kien fejn beżgħu u kienu miblugħa u mingħajr raġuni għala huma kienu qed jesperjenzaw dan kollu meta tqis li huma kienu f’karozza ċivili. B’xorti tajba huma rnexxielhom jiskansaw dan il-periklu.

Hu sostna li meta l-ewwel esperjenza tiegħu f’April kienet iktar ġurnalistika, din id-darba ried jerġa’ jmur bħala volontarju tant li f’Awwissu li għadda reġa’ mar lejn l-Ukrajna. Hu tela’ hemmhekk billi ħa xahrejn frank mix-xogħol mingħajr paga biex ikun jista’ jiġbor fondi għan-nies Ukreni li verament jinsabu fi stat ta’ faqar estrem meta tqis li dawn tilfu djarhom, flushom, l-oġġetti l-aktar għal qalbhom u saħansitra xi wħud mill-familjari tagħhom.

Sadanittant meta ftit tax-xhur ilu, dan is-sit kien intervista lill-fotografu Rene Rossignaud li wkoll inzerta mar hemm, kien spjegalna li ħass togħma ta’ mewt. X’jaħseb Neil Camilleri dwar din ir-risposta?

Katavri mitluqin fuq xulxin u riħa ta’ ħruq kullimkien

“Aktar milli togħma ta’ mewt, nista’ ngħidlek li kien hemm riħa ta’ mewt. Meta konna fil-belt ta’ Bucha, stajt ninnota kemm kien hemm iġsma mejta fuq xulxin, xi ħaġa li baqgħet timpressjonani. Ma nistax ma nsemmix ukoll ir-riħa ta’ ħruq li tinxtamm kullimkien b’numru ta’ splużjonijiet u bini li jieħu n-nar. Dawn huma l-affarijiet li stajt inħoss u nara b’mod kontinwu f’dawk il-jiem li qattajt hemmhekk.”

L-istil ta’ ħajja li ngħixu aħna ma jgħinx biex timmaġina dak li għaddej fl-Ukrajna

Min-naħa tiegħu, il-fotografu u ġurnalist Giuseppe Attard irrimarka kemm dawn in-nies mill-Ukrajna batew u għadhom ibatu sal-lum il-ġurnata, xi ħaġa li aħna bħala Maltin lanqas biss ninnutawha.

“Meta int tmur hemmhekk, bla dubju li tinduna kemm aħna m’aħna xejn, kemm il-ħajja hi prezzjuża u kemm min bħalna għaddej jgħix ħajja komda, żgur li ma jgħaddulekx minn moħħok ċerti affarijiet.”

Attard itenni kemm aħna privileġġjati bħala Maltin li ngħixu f’din il-gżira fejn prattikament aħna komdi u ngħixu ħajja b’diversi aljenazzjonijiet u ġid materjali. Dan kollu fl-Ukrajna kien jeżisti qabel l-24 ta’ Frar 2022 iżda issa kollox tar mar-riħ bin-nies li jissieltu sabiex ikomplu jgħixu.

“Personalment wara l-esperjenza li qattajt fl-Ukrajna, tgħallimt nieħu l-ħajja iktar b’valur u xejn ma nieħu dak li bl-Ingliż ngħidulu for granted.”

“Meta tara nies li jgħixu ġo bunker jew xelter taħt l-art u ma jagħmlux ġurnata jew tnejn iżda xhur sħaħ hemmhekk nista’ ninduna kemm aħna bħala Maltin veru xxurtjati. Dawn in-nies qed ikollhom jgħixu mingħajr internet, bla dawl u ilma u anke bi ftit bżonnijiet essenzjali. Is-sireni ma jonqsux, il-ħin kollu jdoqqu u s-sens tal-allarm hu kbir għalkemm ħafna minnhom spiċċaw drawhom.Ċertament li mhux il-ħajja ideali li tgħix iżda ammirajt kemm huma lesti biex jissagrifikaw lilhom infushom basta joħorġu minn din il-gwerra.”

L-ironija ta’ żgħażagħ li jagħtu ħajjithom għal pajjiżhom filwaqt li oħrajn mitlufin fix-xalar

Giuseppe Attard irrakkonta kif baqa’ impressjonat kif tfal u żgħażagħ li jinsab fl-aqwa ta’ ħajjithom, qed ikollhom jiġġieldu, jfasslu u jippreparaw bombi żgħar biex jattakkaw lis-suldati Russi minflok igawdu l-aqwa ta’ ħajjithom. Din hi ironija meta tqis li ftit kilometri ‘l bogħod hemm żgħażagħ minn pajjiżi oħra li jgawdu u jixxalaw, xi ħaġa li l-Ukreni issa jistgħu biss joħolmuha.

Oħrajn xtaqu jgħixu ħajja normali billi riedu jmorru għax-xogħol jew inkella jmorru jixtru l-affarijiet ta’ kuljum mill-ħwienet tal-merċa. Madankollu dawn in-nies ġiethom ħażina għax ġew maqtula b’xi missila li tinxteħet għall-għarrieda mis-suldati Russi. Il-ħajja għalhekk għall-Ukreni saret imprevedibbli.

“Stajt nara kemm għaċ-ċittadini Ukreni, il-ħajja saret lotterija li trid tkun ixxurtjat sabiex tibqa’ tgħix għalkemm stajt ninnota l-kuraġġ ta’ sur li għandhom. Minkejja li ħafna drabi, il-militar Russu qed jattakka bejn it-tlieta u l-erbgħa ta’ filgħodu sabiex l-Ukreni ma jorqdux, ir-reżiljenza tagħhom m’għandhiex limitu.”

Finalment saqsejna lil Neil u Giuseppe jekk jemminx li għad tieqaf din il-gwerra u l-ħsibijiet tiegħu.

Għalkemm xi darba trid tintemm, il-mistoqsija tibqa’ meta

“Xi darba trid tieqaf żgur. Il-problema hi li mhux fil-futur qrib għax hemmhekk diġa’ qed jgħidu li fir-rebbiegħa li ġejja, għalkemm fadal, ir-Russi beħsiebhom jerġgħu jagħmlu attakk ieħor. Sadanittant l-Ukreni jibqgħu jiġġieldu sabiex pajjiżhom jibqa’ ħieles u jħallu lill-għadu Russu aktar ippanikjat ifittex aktar soluzzjonijiet x’għandu jagħmel sabiex ikun minn fuq.”

Ekonomija

Sport