Il-Maltin minsija mhumiex ftit. Rari jidħlu fin-narrattiva ta’ x’ġara f’pajjiżna fis-sekli mis-sittax għall-bidu tal-għoxrin. Wieħed biss irnexxielu jaħrab minn din ix-xorti –Manwel Dimech għalkemm illum, mill-ġdid reġa’ sar oġġett ta’ interess minoritarju.
Sadattant, personaġġi oħra bħal Ġlormu Barbara u Giorgio Mitrovich, minn sekli differenti, ġieli jissemmew imma fil-verità huma minsija. U bħalhom oħrajn… pereżempju minn fost il-mexxejja tal-Maltin fuq iż-żewġ naħat tal-konfront mal-Franċiżi wara t-tluq tal-Kavalieri ta’ San Ġwann.
L-ironija mbagħad hi li wieħed mill-aqwa monumenti fil-belt Valletta hu l-mafkar tal-ewwel gvernatur Ingliż Alexander Ball fil-Barrakka ta’ Fuq, imtella’ bil-kontribuzzjonijiet li ħarġu l-Maltin infushom… jew hekk intqal meta nbena.
IL-BIEDJA
Uffiċjalment sejra tajjeb… jew talanqas mhix sejra lura. Saret dejjem aktar dipendenti fuq xogħol part-time. Għadha qed tipproduċi “biżżejjed” ħxejjex biex tissodisfa parti mhux żgħira tal-konsum lokali. Numru ta’ sussidji fid-deher jew bil-moħbi jsostnu id-dħul tal-bdiewa u r-raħħala iżda l-kompetizzjoni ġejja mill-Ewropa għadha tweġġa’ sew.
Il-fatt li l-aħħar Economic Survey li ħareġ mal-baġit ftit kellu xi jgħid dwar il-biedja hu l-akbar xhieda tal-qagħda dejjem aktar marġinali tas-settur. Minnu nsiru nafu li s-sehem tal-biedja fiż-żieda tal-produzzjoni kollha tal-ekonomija kien ta’ 0.1 ta’ persentaġġ! L-itwal referenzi għall-biedja li jagħmel is-Survey jirrigwardaw l-impatt tas-settur fuq it-tisħin tal-klima – suġġett importanti ovvja, imma anke f’dal-kuntest, pjuttost marġinali. Dnub li l-biedja baqgħet titlef mill-importanza u attenzjoni li jixirqulha.
KWART TA’ SEKLU
Naqbel ma’ dawk li jsostnu li minnhom infihom il-bidu u t-tmiem ta’ sena, deċennju, seklu, ma għandhom l-ebda sinjifikat storiku partikolari. Huma sempliċi miżura “matematika” taż-żmien għaddej. Is-sinjifkat storiku ta’ perijodu ma joħroġx minn data “fl-ajru” imma mill-ġrajja fl-istorja ta’ nazzjon (jew tal-umanità) li sseħħ matulu – ġrajja li ma tagħżilx li tibda jew tintemm skond l-iskeda tal-kalendarju.
Min-naħa l-oħra, l-istess kalendarju jagħti perspettiva dwar iż-żmien għaddej b’tifsira għal min qed jgħix fil-preżent ta’ ġrajja. Ngħidu aħna, fi ftit ġranet naslu għal tmiem l-ewwel kwart tas-seklu li ninsabu fih. Fil-ħamsa u għaxrin sena li għaddew, żvolġew sensiela ta’ ġrajjiet li bidlu sew l-ambjent uman u politiku tad-dinja b’ħeffa qalila. Kellna l-attakk terroristiku fuq it-Twin Towers ta’ New York, bil-“gwerra kontra t-terrur” li segwiet. Il-kraxx finanzjarju li beda fis-sena 2008. L-attakki terroristi fl-Ewropa. Il-pandemija tal-Covid. Il-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofshani. It-tisħin tal-klima. Ir-rijallineamenti bejn Superpotenzi u potenzi kbar… Kollox fuq sfond ta’ globalizzazzjoni tixxaqqaq u żviluppi teknoloġiċi qawwija. Kwart ta’ seklu mimli taqlib enormi li reġa’ daħħal lingwaġġ politiku li jista’ jwassal għal gwerra dinjija.

