Saturday, October 26, 2024

Maltin qed isibuha diffiċli jsibu farmhouses f’Għawdex

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri semma fil-Parlament kif tant hemm domanda għall-‘farmhouses’ f’Għawdex li l-Maltin qed isibuha diffiċli jsibu minnhom mhux ibbukkjati.

Huwa qal dan waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari tat-Tlieta hekk kif għat-tieni jum wara l-ieħor dan il-ħin kien karaterizzat minn mistoqsijiet relatati mal-gżira Għawdxija.

Camilleri semma kif huwa ta’ pjaċir jinnota din l-‘spike’ fil-‘booking’s’ u żied li kien għalhekk li aktar tard dan ix-xahar se jinġieb ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel biex din tkun tista’ terġa’ tlaħħaq mat-turiżmu intern hekk kif ħafna Maltin qed imorru Għawdex biex iqattgħu vaganza hemm.

Il-Perit Camilleri kien mistoqsi wkoll dwar l-għażla tad-Downtown Hotel biex tilqa’ l-anzjani li kienu qed jinżammu residenti fl-isptar fir-Rabat, Għawdex.

Huwa spjega kif il-Gvern ried li jsib post viċin l-Isptar Ġenerali biex f’każ li jinqala xi ħaġa jkun viċin u għalkemm kien hemm ’boutique hotel’ ukoll viċin din kellha numru limitat ta’ kmamar mentri d-Downtown kellha 80 sodda kif kien hemm bżonn.

Dwar ir-ritorn tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol il-Ministru għal Għawdex qal li min kien intitolat biex jagħmel it-‘telework’ jista’ jibqa’ jaħdem b’dan il-mod.

Fuq il-kumpless sportiv qal li dan kien ingħata lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħalli jintuża bħala stazzjon biex b’hekk il-ħaddiema jkunu mqassmin f’żewġ gruppi waqt il-Covid19.

Huwa semma kif dan irriżulta li kien pass għaqli għax instab li kien hemm uffiċjal infettat u b’hekk ma kienx il-każ li l-ħaddiema kienu kollha fl-istess post.

Mistoqsi dwar il-Mużew t’Għawdex il-Ministru Camilleri semma kif wara li sar skavar instabu fdalijiet arkeoloġiċi u għalhekk ix-xogħol waqaf imma issa li tkompla fl-aħħar xhur ix-xogħol ħa r-ritmu.

Il-Ministru għal Għawdex kien mistoqsi wkoll dwar il-każ tal-fekruna li biedet fir-Ramla l-Ħamra fejn semma kif minbarra voluntieri hemm ukoll uffiċjal tas-sigurta fuq il-post għalkemm sostna li n-nies li marru iktar biex jistaqsu fuqha.

Huwa semma kif il-bajd mistenni jfaqqas lejn l-aħħar ta’ Lulju għalkemm fuq nota negattiva semma kif huwa nfurmat li minn bejn 50 u 60 bajda huma biss 5% mill-fkieren li jfaqsu u jgħixu.

Sport