Manchester United iridu jiffaċċjaw ħlas ta’ £12-il miljun jekk jiddeċiedu li jkeċċu lil Ruben Amorim sas-sajf li ġej.
Huwa mifhum li l-manager tar-Red Devils għandu klawsola li jekk jitkeċċa matul il-kuntratt tiegħu ta’ sentejn u nofs, għandu jitħallas il-bqija tas-somma tal-ftehim.
Fil-veritá, bħalissa l-isem tal-Portugiż għadu qatt ma ġie fuq l-aġenda tal-ko-propretarju, Jim Ratcliffe, minkejja li kien hemm rapporti li Amorim seta’ jitlef postu minħabba sensiela ta’ riżultati negattivi, bil-konsegwenza li ma għandhomx ċans li jisfidaw għall-kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League.
Barra minn hekk ir-rekord tiegħu fil-Premier League xejn m’huwa tajjeb hekk kif minn 15-il partita huwa tilef tmienja u rebaħ erbgħa biss.
Iżda jekk l-affarijiet imorru aktar għall-agħar taħt it-tmexxija ta’ Amorim, li hija meqjusa bħala l-agħar waħda fl-istorja tal-club li ma jkollux triq oħra ħlief “jiddivorzja” minnu li jkun jiswa £6 miljuni għal kull sena.
L-istess sigurtà finanzjarja hija mifhuma li tapplika għall-istaff kollu tiegħu li ħa miegħu meta telaq minn Sporting.
U jekk jiġri hekk, apparti l-ispiża ta’ £12-il miljun, iċ-ċifra totali tkun dik ta’ £20 miljun minħabba li l-istaff tekniku ikun irid jiġi kkumpensat.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-kontijiet sal-aħħar tas-sena 2024 urew li l-United għandhom dejn ta’ £1 biljun inklużi £300 miljun sterlina fi ħlasijiet b’lura lil clubs għat-trasferimenti tal-akkwisti l-ġodda.
Minħabba l-fatt li Amorim ġie ngaġġat fil-bidu ta’ Novembru, huwa qed dejjem jiġi skużat għar-riżultati negattivi fejn mhux l-ewwel darba li xeħet it-tort fuq il-players li ma jafux jilagħbu s-sistema tiegħu.
Huwa dejjem saħaq li jiġri x’jiġri se jibqa’ jilgħab bis-sistema tiegħu u dejjem saħaq li huwa ma jistax jaħdem minħabba li qabeż is-suq tat-trasferimenti tas-sajf kif ukoll il-pre-season.
Madankollu jekk il-players ma jistgħux jidraw is-sistema tiegħu, hawnhekk tidħol il-professjonalitá tiegħu fejn jadatta sistema li takkomoda lill-players sa tmiem l-istaġun!