Manchester City lesti li joffru lil Phil Foden kuntratt ġdid li jarah kważi jikkwadrippla s-salarju tiegħu fl-Etihad Stadium.
Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena sploda fix-xena taħt Pep Guardiola u kellu staġun 2020-21 mill-aqwa, fejn skorja 16-il goal u pprovda 10 assists minn 50 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Il-ftehim ta’ Foden maċ-champions tal-Premier League jiskadi fis-sajf tal-2024, iżda Man City mistennija jippremjaw il-wirjiet stellari taż-żagħżugħ b’kuntratt ġdid u attraenti.
Foden bħalissa qiegħed għandu salarju modest ta’ £40k fil-ġimgħa ma’ Manchester City, iżda l-club immexxi minn Guardiola huwa ħerqan li jżid il-pagi tiegħu għal £150k fil-ġimgħa.
Man City qed jimmiraw li jorbtu lill-player internazzjonali Ingliż għas-sitt snin li ġejjin, li jarawh isegwi lil Kevin De Bruyne, Ederson, John Stones u Ruben Dias fl-iffirmar ta’ kuntratti ġodda fit-tul.
Foden – li għad irid jidher f’dan l-istaġun minħabba injury f’siequ – diġà għandu 124 dehriet għal Man City, fejn skorja 31 goal u pprovda 22 assist.