Friday, November 15, 2024

Manchester City viċin li jirbħu l-Premier League

Aqra wkoll

Fil-ġurnata ta’ qabel tal-aħħar tal-Premier League Ingliż, il-leaders Manchester City se jilqgħu lil Chelsea fl-Etihad Stadium u jekk jispiċċaw rebbieħa jkunu rebħu t-titlu għad-disa’ darba fl-istorja tagħhom, l-aħ­ħar sebgħa f’dawn l-aħħar 11-il sena taħt il-managers Roberto Mancini (1), Manuel Pellegrini (1) u Pep Guardiola (5).

Is-City għadhom ġejjin minn rebħa enfatika ta’ 4-0 li fiha taw lil Real Madrid dak li Real Madrid taw lil kemm-il team matul iż-żmien, jiġifieri lezzjoni ta’ football, biex għaddew għall-finali tal-UEFA Champions Lea­gue kontra t-Taljani Inter fl-10 ta’ Ġunju.

L-avversarji tagħhom, Chelsea, kellhom staġun ne­gattiv għall-aħħar u għalhekk ftit jidher li jistgħu jwaqqfuhom milli jirbħu l-ewwel mit-tliet unuri biex jiksbu t-treble ta’ Premier League, FA Cup u Champions League, eżattament kif kienu għamlu l-ġirien Manchester United fl-1999.

Chelsea jinsabu fil-11-il post bi 42 punt inqas mis-City u għalhekk iċ-ċansijiet li l-Blues iwaqqfuhom mill- għanijiet tagħhom huma remoti.

Arsenal, li jinsabu t-tieni, se jmorru għand Nottingham Forest fil-logħba li tgħaqqad il-programm tal-lum u meta s-City se jkunu fl-azzjoni għada huma se jippruvaw għar-rebħa f’każ li t-team ta’ Guardiola jfalli xi punti.

Il-Forest jistgħu jkunu kuntenti anke bi draw jekk Leeds u Leicester joħorġu telliefa. Iżda f’Arsenal huma għandhom avversarji diffiċli li żgur mhux se jċedu sa­kemm ikunu matematikament ċerti li t-titlu jkun ħarbilhom minn taħt idejhom.

Newcastle se jkunu fl-az­zjoni t-Tnejn kontra Leicester City f’darhom wara li nhar il-Ħamis war­rbu l-isfida ta’ Brighton meta għelbuhom 4-1 f’St James Park.

Il-Magpies mhumiex konsistenti għall-aħħar iżda me­ta se jkunu f’darhom i-ċansijiet li jirbħu huma favorevoli biex jissiġillaw post fiċ- Champions League fl-ista­ġun li ġej.

Anke Manchester United għadhom jitħabtu biex jissiġillaw posthom fiċ-Champions League. Huma se jilagħbu kontra Bournemouth barra minn darhom meta dawn huma salvi għal kollox mir-relegazzjoni fejn qed jagħtu wirjiet denji lil kull avversarju.

Il-United qed jimmiraw li jirbħu ż-żewġ tazzi domestiċi meta diġá rebħu l- Lea­gue Cup u qegħdin fil-finali tal-FA Cup u jekk jiksbu post fiċ-Champions League jistgħu jgħidu li l-manager tagħhom, Eric ten Hag, kellu staġun sodisfaċenti ħafna.

Liverpool li jinsabu l- ħames, punt wara l-United, għadhom jittamaw li jis­piċċaw fir-raba’ post. Iżda t-taqtiegħa hija iktar mar-rivali ostili minn Manchester milli ma’ Newcastle li wara r-rebħa kontra Brighton l- Ħamis, issa qed igawdu vantaġġ ta’ erba’ punti fuqhom.

Il-mistednin ta’ Liverpool f’Anfield huma Aston Villa li qed jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. Ir-Reds ġejjin minn sitt rebħiet wara xulxin waqt li l-Villa minn tliet rebħiet, żewġ draws u telfa.

West Ham, li huma vir­twalment salvi, se jkunu fil-London Stadium kontra Leeds United għada wara nofs in-nhar b’dawn għadhom f’inkwiet serji li jerġ­għu lura fiċ-Championship wara żewġ staġuni.

Il-Hammers ġejjin mir-reb­ħa fis-semi-finali tal-Conference League meta għelbu lil AZ Alkmaar tal-Olanda għat-tieni darba u fil-finali se jiltaqgħu kontra t-Taljani, Fiorentina.

Il-logħba li tiftaħ il-programm tal-lum hija d-derby ta’ Londra bejn Tottenham u Brentford fejn huma tal-ewwel b’xi ċans li jkunu fl-Europa League issa li post fiċ- Champions League huwa dis­tanzjat.

Il-Bees se jtemmu t-tieni staġun mal-kbar bir-relegaz­zjoni qatt ma kienet fl- aġenda tagħhom.

Brighton, li dan l-aħħar xejn ma kienu konsistenti tant li tilfu 5-1 kontra Everton f’darhom u 4-1 kontra Newcastle jumejn ilu għal­kemm taw wirja kbira kontra Arsenal meta rebħulhom 3-1.

Wolves se jilqgħu lil Everton li għadhom mhux ċerti li se jżommu posthom mal-kbar. Għal tal-ewwel se tkun l-aħħar logħba f’darhom dan l-istaġun u jridu jagħlqu b’riżultat pożittiv waqt li t-Toffeemen huma ddisprati għall-punti biex jipproteġu posthom mal-elite.

Logħba bla interess hija dik fi Craven Cottage bejn Ful­ham u Crystal Palace waqt li Brighton se jkunu f’darhom ukoll kontra Southampton, li kienu l-ewwel team li ġie relegat mill- Premier League.

Ekonomija

Sport