Friday, December 13, 2024

Manchester United eliminati mill-FA Cup

Aqra wkoll

Manchester United sfaw sorpriżi u eliminati mill-FA Cup wara li f’darhom ġew megħluba 8-7 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1.

Kien Jadon Sancho (25) li fetaħ l-iskor għar-Red Devils wara li Cristiano Ronaldo falla penalty. 

Il-United setgħu rebħu iżda fallew bosta ċansijiet u ta’ dawn pattew qares għax Matt Crooks (64) kiseb id-draw għall-Boro biex il-partita ġiet deċiża bl-għoti tal-penalties fejn Anthony Elanga kien li xeħet għoli għal Manchester United.

Il-logħbiet li se jintlagħbu bejn illum u għada huma:

Everton v Brentford – Everton jilqgħu lil Brentford f’Goo­dison Park b’xi ħaġa kuntrastuża bejn iż-żewġ managers meta għat-Toffeemen se jiddebutta fuq il- bankina, Frank Lampard, li ġie maħtur fil-kariga aktar kmieni din il-ġimgħa.

Min-naħa l-oħra d-Daniż, Thomas Frank, tal-Bees wisq probabbli se jkun assenti minħabba l-Covid-19 għal­kemm huwa seta’ jkun nieqes minn fuq il-bankina wara li tkeċċa fit-tmiem tal- logħba kontra Wolves meta r-referee Peter Bankes urieh il-karta s-safra u l-ħamra fi spazju ta’ ftit se­kon­di.

Iżda Frank ħeles mis- sospensjoni u minflok ġie mmultat £8,000 mill-FA għall-kondotta tiegħu lejn l-uffiċjal tal-logħba.

Lampard jista’ jagħmel użu miż-żewġ akkwisti fl-aħħar ġurnata tas-suq ta’ Jannar, l-Olandiż Donny van de Beek li jinsab misluf mingħand Manchester United u Deli Alli li ħaduh mingħand Tottenham.

Min-naħa tagħhom Brentford kisbu lid-Daniż Christian Eriksen iżda dan mhux se jkun fl-iskwadra.

Wolves v Norwich – Dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu f’Molinuex quddiem attendenza eżawrita wara li fil- kampjonat kienu spiċċaw bla goals għand dawn tal-aħħar.

Għal Wolves se jkun nieqes l-Ispanjol, Adama Traore, li ngħaqad mal-club li beda miegħu, Barcelona.

Player ieħor li jista’ jkun nieqes huwa l-attakkant Raul Jimenez li kien qed jgħin lill-Messiku biex jikkwalifikaw għat-Tazza tad- Dinja meta kien il-penalty uniku tiegħu li għeleb lil Panama.

Tottenham v Brighton – Spurs jospitaw lil Brighton f’logħba li mistennija tkun bilanċjata meta s-Seagulls qed jagħtu logħba lil kul­ħadd għalkemm kienu għaddew minn sensiela ta’ 10 logħbiet bla rebħa.

Spurs, li jinsabu fis-seba’ post fil-kampjonat qed igawdu vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-avversarji tagħhom għal­kemm lagħbu żewġ logħbiet inqas minnhom.

Wieħed għad irid jara jekk l-manager Antonio Con­te jinkludix l-akkwisti l-ġodda, Dejan Kulusewski u Rodrigo Bentancur, għal­kemm tilfu lil Alli li sieħeb lil Everton.

Brighton ukoll tilfu player li kien regolari fid-difiża meta Dan Burn ingħaqad mal-club ta’ tfulitu, Newcastle.

Chelsea v Plymouth – Chelsea se jkunu fi Stamford Bridge kontra Plymouth Argyle ta’ League One li qed jokkupaw is-seba’ post tliet punti barra l-play-offs.

Il-Blues xejn ma kienu nvoluti fis-suq tat-trasferimenti u għalkemm se jkom­plu bl-istess players li bdew l-istaġun il-goalkeeper Ke­pa Arrizabalaga se jkompli jgħasses il-lasti meta dak tas-Senegal, Edouard Men­dy, għada se jilgħab fil-finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Af­rikani kontra l-Eġittu.

Kidderminster v West Ham– West Ham m’għandhomx ikollhom problemi meta jmorru għand it-team non-league, Kidderminster Harriers, tant li anke jekk jinkludu bosta riservi xorta għandhom ikunu fil-polza tar-round li jmiss. 

Ċertament li Mikhail Antonio u sħabu għandhom ikunu wisq għal dan it-team modest.

C. Palace v Hartlepool – Anke Crystal Palace jidħlu f’din il-kategorija li m’għandhomx ifallu milli jkomplu javvanzaw fil-kompetzzjoni meta dan l-istaġun qed joffru oppożizzjoni diffiċli lit-timijiet iktar kkwotati minnhom.

Il-manager Patrick Vieira għandu biżżejjed munizzjon biex iwarrab l-isfida tat-team modest ukoll ta’ League Two, Hartlepool United.

Man City v Fulham – Iċ- champions u leaders tal-Premier League, Manchester City, se jilqgħu lil-leaders taċ-Championship, Fulham, wara li dawn ġew relegati fl-istaġun li għadda.

Il-manager tagħhom, Marco Silva, għandu team li qed jiskorja b’għajnejh magħ­luqa, bis-Serb Alexandar Mitrovic, ikun l-aqwa skorer tagħhom u tal-kampjonat bi 28 goal.

Bil-captain Kevin de Bruyne, Bernardo Silva, Ruben Dias fost oħrajn, it-team ta’ Pep Guardiola għandu jibqa’ javvanza wkoll.

Liverpool v Cardiff – It-team fit-tieni post tal-Premier League, Liverpool, li bħalissa jinsabu mingħajr tnejn mill-aqwa attakkant tal-kampjonat, Mohamed Salah u Sadio Mane, li għada se jilagħbu fil-finali tat-Tazza Afrikana, se jkunu f’Anfield kontra Cardiff City taċ-Championship.

Iżda huma m’għandux ikollhom problemi meta fl-attakk jistgħu jagħmlu użu minn tlieta minn dawn l-erbgħa, Diogo Jota, Roberto Firmino, Takumi Miramino u Divock Origi.

Nottm F. v Leicester –  Il-holders Leicester City, se jkunu barra minn darhom fid-derby tal-East Midlands kontra Nottingham Forest li huma 47 kilometru biss bogħod minn xulxin, b’dawn tal-aħħar qed jissieltu biex jiksbu l-promozzjoni fil-Premier League li ilhom neqsin minnu mill-1999.

Dan l-istaġun il-Foxes mhux qed ikollhom żmien feliċi tant li jinsabu fl-10 post tal-kampjonat.

Southampton v Coventry – It-team l-ieħor tal-Premier League, huwa dak ta’ Southampton, li jilqa’ lil Covetry taċ-Championship f’St Ma­ry’s Stadium bis-Saints, li jinsabu f’nofs l-klassifika, ikunu l-favoriti

Il-programm jinkludi ti­mi­jiet taċ-Championship kontra xulxin, Huddersfield kontra Barnsley u Peterbo­rough kontra QPR, Stoke (Championship) kontra Wi­gan (League One), Cambridge United (League Two) kontra Luton Town (Championship). 

Ekonomija

Sport