Saturday, May 4, 2024

IS-SETTUR TAD-DIŻABILITÀ U T-TISĦIĦ FIL-QASAM LEĠIŻLATTIV

Aqra wkoll

Minn Oliver Scicluna – Deputat Laburista

Jien l-ewwel wieħed, inħobb nagħmel kritika kostruttiva, però nemmen li huwa importanti li niċċelebraw dak li għamilna fl-aħħar snin. Għalkemm ma kontx nagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-Gvern, xorta waħda kont wieħed milli nimbotta ’l quddiem, politika fejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jkunu fuq nett tal-Aġenda Nazzjonali. 

Sa minn qabel l-2013 kont attiv b’mod indirett fis-settur tad-diżabilità bħala attivist f’numru ta’ għaqdiet volontarji. Wara l-2013 jien bdejt immexxi l-kumitat Soċjetà Ġusta li ħadem u ppreżenta l-ewwel Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għal pajjiżna. 

Wara dik il-ħidma nħtart bħala t-tielet Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, fejn mill-ewwel issoktajt fuq ħidma biex inbiddel l-irwol tal-Kummissjoni minn entità li trid tlaħħaq ma’ kollox għal entità li tiffoka strettament fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Biex nagħmlu dan, kien jinħtieġ li nagħmlu emendi maġġuri fuq l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs tal-2020, fejn fost l-oħrajn biddilna l-isem tal-Kummissjoni biex jiffoka fuq l-għan tal-Kummissjoni, il-protezzjoni tad-Drittijiet. 

Ħloqna dik li tissejjaħ “Bill of Rights”, fejn hawn ġew iċċarati numru ta’ drittijiet bażiċi li persuna b’diżabilità m’għandha qatt tiġi mċaħħda minnhom. Biddilna l-istruttura, fejn neħħejna l-irwol ta’ Ċermen u minflok għamilna Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, neħħejna l-bord tad-diretturi li kien magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeri għal kumitat magħmul minn persuni b’diżabilità, dawk li jirrappreżentawhom u għaqdiet volontarji li jaħdmu b’mod dirett fis-settur. 

Għamilna artiklu importanti f’dan l-att li f’termini legali jisejjaħ “superseding clause”, jiġifieri li jagħmel l-artikli f’dan l-att aktar b’saħħithom minn liġijiet oħrajn. Għamilna mezz li l-Kummissjoni tkun il-vuċi tal-persuni b’diżabilità hemm barra u dejjem għamilt mezz li mmexxi b’dak il-punt f’moħħi. Id-djalogu ma’ firxa wiesgħa ta’ nies żammejtu għaddej kull minuta li servejt bħala Kummissarju. 

F’dawk is-snin li mexxejt il-Kummissjoni, mexxejt is-servizzi li l-Kummissjoni kienet toffri lill-Aġenzija Sapport biex b’hekk is-servizzi jingħataw minn post wieħed, mhux biċċa minn hemm u biċċa minn hawn. Fl-istess ħin il-Kummissjoni tiffoka fuq l-irwol prinċipali tagħha, dak li tirregola s-settur tad-diżabilità. Permezz tal-ħolqien ta’ Direttorat fi ħdan il-Kummissjoni, dak tal-Investigazzjoni, Infurzar u “Compliance”, il-Kummissjoni bdiet timxi pass pass biex l-irwol regolatorju tagħha jkun jista’ jibda jilħaq l-għanijiet tiegħu. 

Waqt is-snin li mexxejt il-Kummissjoni, għalkemm regolatur, ħdimt u għaddejt numru ta’ pariri lill-Gvern rigward is-settur tad-diżabilità. Fost affarijiet oħrajn għamilna l-ewwel liġi li tirregola l-għoti tal-Blue Badge, il-karta li tintuża għall-parkeġġ. Għamilna l-ewwel avviż legali li jirregola l-parkeġġi riservati, inkluż dawk personalizzati. Ħdimna biex flimkien mal-Gvern, dak iż-żmien is-Segretarju Parlamenari Dr Justyne Caruana mexxejna numru ta’ liġijiet fost l-oħrajn dik li għamlet il-lingwa Maltija tas-sinjali, lingwa uffiċjali Maltija. Għamilna wkoll il-ligi li permezz tagħha nħoloq kumitat biex tkun tista’ tiġi ppjanata l-ewwel strateġija għal dawk li huma fuq l-ispettru wiesa’ tal-Awtiżmu, għamilna l-ewwel avviz legali li jinforza l-aċċessibilità fiżika u bdejna naħdmu fuq l-ewwel strateġija nazzjonali għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità li ġiet mnedija din is-sena mill-Ministru attwali Julia Farrugia Portelli. Din is-sena nħoloq ukoll għall-ewwel darba d-Direttorat li se jkun qiegħed jaħdem u josserva l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Dan se jaċċerta kontinwità fis-settur tal-persuni b’diżabilità fil-preżent u l-futur. Fl-aħħar xhur ukoll rajna liġi li jien kelli ċ-ċans naħdem fuqha, tgħaddi mill-Parlament Malti, dik li tissalvagwardja lill-persuni b’diżabilità minn diskors ta’ mibgħeda fil-konfront tagħhom abbażi tad-diżabilità. 

Hawn irreferejt l-aktar fuq il-qafas legali tas-settur tad-diżabilità, li fl-aħħar snin saret ħidma impekkabbli fuqu. Settur li kien niexef mill-ideat, settur li kellu bżonn urġenti ta’ tisħiħ fil-qafas legali tiegħu. Xi kultant il-liġijiet ma nħossux il-bidliet tagħhom, iżda l-frott tagħhom joħrog u jien naf li dan isir għax kemm-il darba permezz ta’ dawn il-liġijiet li semmejt, rajt il-ġustizzja ssir.  

Dan ma jfissirx li aħna perfetti jew li wasalna fl-aħħar tal-ħidma tagħna, anzi nemmen li fadlilna ħafna x’nagħmlu f’dan is-settur. Hemm bosta affarijiet oħra x’jonqos li nieħdu ħsieb li jitranġaw, pereżempju liġi importanti li jmiss, li nkomplu naħdmu fuqha, hi dik li tissalvagwardja lill-adulti vulnerabbli, biex b’hekk dawk il-persuni li huma adulti u vulnerabbli għal diversi forom ta’ abbużi, ikollhom qafas legali u sistema li tissalvagwardjahom.

Fl-aħħar snin ħdimt ma’ numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari biex is-settur tad-diżabilità nsaħħuh. Minn hawn insellem lill-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca, lil Franco Mercieca, lil Dr Michael Farrugia, lil Dr Justyne Caruana, lil Dr Michael Falzon, lil Anthony Agius Decelis, lil Silvio Parnis u lil Julia Farrugia Portelli li bil-mod tagħhom, meta kienu responsabbli ta’ dan is-settur, ħadmu sabiex dan jibqa’ fuq l-aġenda nazzjonali.

Sport