Tuesday, May 14, 2024

Serie A: Għajnjen kulħadd fuq San Siro …

Aqra wkoll

Bejn illum u għada jkompli jintlagħab il-kampjonat Taljan fejn bla dubju l-aktar partita mistennija hija dik bejn Inter u Milan … fejn rebħa għal Inter jagħmlu pass kbir biex jiddefendu t-titlu b’suċċess

Inter v MilanDin se tkun logħba ferm mistennija mill-24 ġurnata tas-Serie A. Prattikament dan jista’ jkun l-aħħar ċans ta’ Milan li jilħqu lill-ġirien tagħhom Inter bit-tama li jirbħu din il-partita tant akkanita magħrufa bħala id-Derby della Madonnina.

Inter għaddejjin minn mument tajjeb, jinsabu fil-quċċata tal-klassifika bi 53 punt minn 22 partita u favoriti li jirbħu l-Iscudetto.

Il-coach ta’ Milan  Stefano Pioli ma jistax jinkludi lil Zlatan Ibrahimovic u Fikayo Tomori. Min-naħa tiegħu l-coach Interist Simone Inzaghi għandu barra lill-akkwist il-ġdid Robin Gosens u lil Joaquin Correa li jinsabu mweġġgħin.

Venezia v NapoliNapoli huma favoriti li jiksbu t-tliet punti minkejja li se jilagħbu barra minn darhom kontra Venezia. Dawn tal-aħħar qed jiġġieldu biex ma jaqgħux filwaqt li qed ikollhom kampjonat b’riżultati mħallta.

Napoli jinsabu jaqsmu t-tieni post tal-klassifika daqs AC Milan hekk kif għandhom 49 punt minn 23 partita. Il-kowċ Luciano Spalletti qed ikompli jagħti kuraġġ lill-players tiegħu sabiex jibqgħu jemmnu fihom infushom. Hu għadu ma jistax juża’ lil Davide Ospina, Kalidou Koulibaly u Andre Anguissa b’dawn tal-aħħar li huma impenjati f’AFCON 2022.

Venezia ma jistgħux jinkludu lil Antonio Vacca u Tyronne Ebuehi li jinsabu mweġġgħin.

Juventus v VeronaJuventus jittamaw li jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu f’darhom lil Verona. I Bianconeri kisbu s-servizzi ta’ tliet plejers importanti f’Dusan Vlahovic, Denis Zakaria u Federico Gatti bit-tama li jsaħħu l-iskwadra tagħhom u jissieltu għal mal-ewwel erbgħa.

Verona qed ikollhom kampjonat pożittiv tant li kisbu 33 punt minn 23 partita. Huma għandhom l-għan li jagħmlu l-affarijiet diffiċli għat-team immexxi minn Massimiliano Allegri li se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Manuel Locatelli u l-imweġġgħin Alvaro Morata, Federico Bernardeschi, Leonardo Bonucci u Federico Chiesa.

Giovanni Simeone, Gianluca Frabotta u Martin Hongla jinsabu neqsin għat-tim mir-reġjun tal-Veneto.

Atalanta v CagliariAtalanta jixtiequ jkomplu għaddejjin bil-mument sabiħ tagħhom u fuq kollox isaħħu r-raba’ post tal-klassifika meta jilqgħu f’darhom lil Cagliari. Il-Bergamaschi għandhom punt vantaġġ fuq Juventus u għalhekk se jkomplu jissieltu ferm sabiex iżommu l-pożizzjoni tagħhom.

Cagliari jinsabu fil-parti t’isfel tal-klassifika u għandhom bżonn kbir ta’ punti. Huma ma jistgħux jinkludu lil Alessio Cragno, Kevin Strootman, Marko Rog u Nicolo Cavouti li huma mweġġgħin.

Atalanta għadhom mingħajr Alexei Miranchuk, Mario Pasalic, Luis Muriel, Ruslan Malinovsky u Duvan Zapata.

Sport