Manchester United sostnew li Cristiano Ronaldo mhux għall-bejgħ fost inċertezza dejjem tikber dwar il-futur tiegħu f’Old Trafford.
Nhar il-Ħamis kien hemm spekulazzjoni li l-United se jisimgħu offerti qrib it-£13-il miljun li ħallsu biex ffirmaw mill-ġdid lil Ronaldo mingħand Juventus fis-sajf li għadda.
Is-sid ta’ Chelsea, Todd Boehly, hu maħsub li qed jikkunsidra offerta wara taħditiet mal-aġent tal-player Jorge Mendes, u hemm interess ukoll minn Napoli.
Madankollu, United qed iżommu mal-linja uffiċjali tal-klabb li l-player ta’ 37 sena mhux għall-bejgħ u jibqa’ taħt kuntratt f’Old Trafford għal sena oħra.
L-ispekulazzjonijiet dwar il-futur ta’ Ronaldo ġew imħeġġa min-nuqqas tiegħu mit-taħriġ ta’ qabel l-istaġun wara li informa lill-club li jrid jitlaq. Il-ħames darbiet rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb kien nieqes mit-taħriġ għar-raba’ jum konsekuttiv nhar il-Ħamis wara li ngħata ħin liberu għal ‘raġunijiet ta’ familja’.
United għadhom ma jafux jekk Ronaldo hux se jtir mal-kumplament tal-iskwadra nhar il-Ġimgħa għal mawra fit-Tajlandja u l-Awstralja, għalkemm dan qed jidher dejjem aktar improbabbli.
Il-vjaġġ jibda b’partita ta’ ħbiberija kontra Liverpool fir-Rajamangala National Stadium f’Bangkok nhar it-Tlieta u jinkludi wkoll logħob kontra Melbourne, Crystal Palace u Aston Villa fl-Awstralja.
Sorsi qalu li Ronaldo se jkun preżenti fit-tnedija tal-kit tal-Ġimgħa, b’ritratti tal-fenomneu Portugiż se jintużaw minkejja li jrid jitlaq.
Madankollu, is-saga tinsab fil-periklu li ċċajpar l-bidu tal-esperjenza ta’ Erik ten Hag bħala manager tal-United hekk kif l-Olandiż jipprepara biex jiffaċċja mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ Ronaldo jekk ma tiġix solvuta.
Sir Alex Ferguson kien żamm lil Ronaldo għal staġun ieħor qabel ma biegħ lill-player lil Real Madrid fl-2009, u United jidhru daqstant determinati li jżommu l-pożizzjoni tagħhom issa. Tkun sorpriża jekk ir-riżoluzzjoni tagħhom ma tiġix ittestjata severament, madankollu.