Tuesday, May 14, 2024

“Ma jawgurax tajjeb għall-klima”

Perikli ta’ għarar, skarsità ta’ ikel u ilma… Malta għandha taħseb għal fil-bżonn ta’ pjan ta’ difiża

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħalissa l-gwerra tal-Ukrajna qiegħda timbotta pajjiżi Ewropej biex jerġgħu jibdew jużaw il-faħam ħalli jħadmu l-enerġija tagħhom. Dan minħabba l-fatt li r-Russja qiegħda wkoll taqta’ l-provvista tal-gass lil ċertu pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u għalhekk reġgħu qegħdin jixegħlu t-tħaddim tal-enerġija bil-faħam. Dwar dan L-Talk.mt tkellem ma’ Clint Flores, ekonomista u analist politiku, li wissa li l-użu mill-ġdid tal-faħam mhuwiex tajjeb għall-ambjent u dan bil-perikli kollha tiegħu.

“Dan ma jawgurax tajjeb kemm għall-klima, kif ukoll għas-sigurtà. Diġà qegħdin tard ħafna fuq livell globali biex nikkontrollaw il-pjaneta milli tisħon sa inqas minn żewġ gradi meta mqabbel mal-livelli tal-perjodu ta’ qabel l-industrijalizzazzjoni u anke għall-miri tal-Ftehim tal-Klima ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, magħrufa aħjar bħala UNSDGs,” beda jispjega Flores. 

Huwa, li fil-passat kellu wkoll taħt il-portafoll tiegħu s-sigurtà tal-klima meta kien ukoll ir-rappreżentant Malti fil-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà tal-UE, qal dan fil-kuntest tar-rapport maħruġ mill-Ġnus Magħquda li jgħid kif Malta tista’, eventwalment, tintlaqat minn tsunami fit-30 sena li ġejjin.

Flores qal li minn rapporti internazzjonali li hemm fuq il-mejda hemm elenkat li n-Nofsinhar tal-Mediterran u ‘l isfel se jintlaqgħat minn sħana akbar u nuqqas ta’ ilma, li wkoll toħloq problema oħra ta’ sigurtà ta’ ilma li konsegwentement iġġib magħha s-sigurtà tal-klima. 

Apparti minnhekk, il-kwistjoni tal-għarar mill-baħar, issa li anke min-naħa tar-rapporti tal-Ġnus Magħquda saret materjali, il-pajjiż irid jibda minn issa jaħseb kif se jinvesti fuq id-difiża tal-għarar.

Tajjeb li nattiraw investimenti ħodor

“Nifraħ li Malta rnexxiela tikseb is-siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u t-tema tal-Klima u s-Sigurtà hija wkoll prijorità li se tkun qiegħda tiġi imbottata ‘l quddiem speċjalment meta jkollha l-Presidenza ta’ xahar waqt l-istess perjodu. Huwa tajjeb ħafna wkoll għax għalina anke fejn jidħol il-Mediterran huwa importanti ħafna li nħarsu l-ibħra tagħna speċjalment fejn jidħol dak li jissejjaħ l-aċidifikazzjoni tal-ibħra li jwassal għal tnaqqis kontinwu fil-valur tal-pH tal-oċeani tad-dinja. Dan tal-aħħar, huwa kkawżat mill-assorbiment tad-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera. Għalhekk huwa inkwetanti ħafna kif qegħdin nerġgħu mmorru lura għat-tħaddim tal-enerġija bil-faħam minħabba t-theddida tal-provvista tal-gass mir-Russja. 

Flores jemmen li huwa tajjeb ħafna li niġbdu u nattirattaw investimenti ħodor lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran u anke Malta biex insaħħu l-aċċelerazzjoni ta’ dawn l-investimenti. “Rajt mudelli fl-Ewropa li bħalissa qegħdin ukoll jidħlu għalihom b’garanziji mill-Banek tal-Iżvilupp u l-Bank tal-Investiment Ewropew biex jitwettqu dawn il-proġetti. L-istess regolament tal-garanziji li jingħataw mill-banek, kont innegozjajtu jien taħt kapitlu ġdid fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjajru tal-Baġit tal-Unjon Ewropea, meta kont President tal-istess Kumitat tal-Baġit fil-Kunsill tal-Unjoni Ewroepa fl-2017,” kompla dan l-ekonomist. 

Huwa qal li ħafna drabi proġetti ta’ investimenti ħodor ma jkunux vijabbli fiananzjarjament għax l-industrija tkun għadha ma żviluppatx daqhsekk u l-ispiża marġinali ma tkunx naqset b’mod li tkun profittabbli ħafna. Għalhekk, ir-riskju jkun kbir mingħajr garanziji. Jekk ma jidħlux b’garanziji tinħoloq problema ta’ investiment u għalhekk ma jawgurax tajjeb għall-investimenti ħodor anke fl-ekonomija ċirkulari. L-ekonomija ċirkulari hija tajba ħafna li tkun imwessa’ minħabba l-fatt li tnaqqas skart, speċjalment dak li jista’ jinġabar u jintuża għall-affarijiet oħra. Eżempju hemm mudelli fl-Ewropa li l-fliexken tal-ħġieġ jinġabru, jitfarrku u jinħadem madum. L-istess il-plastik – li jkun miġbur, jerġa’ jintuża għall-affarijiet u prodotti oħra. 

Flores ammetta li huwa minnu li l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli jistgħu jgħixu u jeżistu flimkien, però insista li dan jista’ jsir biss f’ekonomija fejn l-importanza tal-industrija tal-bini ma tkunx waħda spekulattiva u li ma tikkontribwixxix daqshekk lejn it-tkabbir ekonomiku. 

“Se jkollna naraw kif se naħżnu aktar ilma”

“Min-naħa l-oħra f’Malta, fejn il-popolazzjoni tkun kibret b’mod esponenzjali f’sena b’mod staġgjonali minħabba t-turiżmu, se jkollna naraw kif se naħżnu aktar ilma minħabba li ‘l quddiem jidher li se tkun problema minħabba n-nixfa,” antiċipa Flores. 

Huwa qal li apparti minn hekk, is-sħana se tagħmila wkoll diffiċli għall-produttività tal-ħaddiema, speċjalment dawk li jaħdmu fuq barra u fil-kostruzzjoni. “Rajt mudelli integrati fejn il-produttività tal-ħaddiema se tonqos ħafna u s-settur tal-kostruzzjoni miegħu, f’pajjjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. F’pajjiż fejn it-territorju huwa wkoll limitat, hemm problema wkoll fejn tista’ tospita aktar investiment aħdar sakemm ma tagħmilx ottimizzazzjoni tal-ispazju b’mod li ma tiekolx art f’żoni barra l-iżvilupp. Dan għax parti mill-obbligazzjoni biex tillimta l-għarar hija li trid tippreserva l-ħamrija. 

“Issa li ħarġet b’mod uffiċjali li Malta tista’ tintlaqat minn tsunami u saret ukoll riskju materjali, nemmen li hemm bżonn ta’ investimenti infrastrutturali fejn jidħlu d-difiża tal-għarar u l-ilma. Tgħidli int qiegħed toħlom? Le! Rajt proġetti fej jinbnew sistemi ta’ difiża b’saħħithom f’postijiet li huma densament urbanizzati, fejn jilqgħu għall-għarar. Ukoll rajt proġetti li jelevaw toroq b’teknoloġija b’pontijiet biex jekk jogħla l-ilma jgħaddi kollox f’kanali apposta. Naħseb li dan it-tip ta’ proġetti għandhom ikun fuq nett tal-aġenda biex nilqgħu għad-difiża tagħna, inkluż il-ħażna tal-ilma għas-sigurtà tagħna. Dan jgħin ukoll għax l-investimenti tad-djar fiż-żona jibqgħu vijabbli u anke jinbigħu u l-assigurazzjonijiet jibqgħu relattivament stabbli”. 

Qal li rridu naraw li dak li huwa riskju materjali fil-futur, anke għall-pajjiżna jittella’ fuq nett tal-aġenda u ddaħħal il-privat jinvesti miegħek fi Private Public Partnerships. Dan biex l-investimenti tal-lum jimmitigaw, fost l-oħrajn, id-daqqiet tal-klima tal-futur li huma fiżiċi bħal sħana żejda, nixfa, is-sigurtà tal-ilma minħabba n-nuqqas ta’ xita, għarar li jkun ikkawżat minn xita li tinżel f’daqqa u ta’ spiss, maltempati li jkunu severi u anke telf tal-biodiversità inkluż il-ħamrija, li bħala umani mhux biss Malta imma anke madwar id-dinja, spiċċajna ipperikolajinha. B’hekk inkunu dawwarna sfida f’opportunità ekonomika li qiegħda tiġġenera x-xogħol illum anke f’sitwazzjoni ta’ dak li qiegħed iseħħ barraA minn Malta. 

“Dan biex l-investimenti tal-lum jimmitigaw fost l-oħrajn id-daqqiet tal-klima tal-futur

Flores sostna li rridu naħsbu wkoll fil-livell tal-baħar meta jogħla u l-kosta urbanizzata tal-madwar u jekk hemm bżonn nużaw it-teknoloġija biex nimmmitigaw il-problemi tal-għarar ninvestu fiha. “Nemmen li wasal iż-żmien li jsir assessjar ta’ riskju tal-użu tal-art u l-ottimizzazzjoni tagħha. Għanda problema ta’ territorju żgħir u spazju limitat li se jkun qiegħed jagħmilha aktar diffiċli għall-gżejjer Maltin fejn jidħol spazju biex jiġi investiment ġdid speċjalment jekk se tikber il-popolazzjoni kif inhuwa pproġettat. Din se tkun problema kbira u jekk ma jidħolx il-gvern għalihom u jibni dan it-tip ta’ binjiet jiġifieri strutturi ta’ difiża, mhumwiex se jimmaterjalizzaw,” sostna l-ekonomist. 

Flores qal li dawn għandhom kollha jkunu miġbura taħt tassonomija ta’ riskji tal-klima li jaffetwaw setturi differenti fl-ekonomija Maltijia, inkluż l-akkomodazjzoni tat-turiżmu li hija importanti ħafna għall-pajjiż, it-trasport tal-ilma, is-settur tal-kostruzzjoni li huwa materjali għall-ekonomija, kif ukoll fejn naħżnu u nittrasportaw l-affarjiet.

Flores għandu viżjoni ta’ x’jista’ isir anke biex tintuża l-Marsa u l-madwar fejn jidħlu proġetti li huma futuristiċi, li tirriġenera l-lokalità kif sar meta inbena l-Bank Ċentrali Ewropew fi f-Frankfurt – f’żona li kienet mitluqa u Bilbao fi Spanja li kienet industrijalizzata u mitluqa. Però, dwar dawn nitkellmu aktar ‘il quddiem. 

Sitwazzjoni differenti minn dik ippjanata

Clint Flores qal li l-użu mill-ġdid tal-faħam minħabba l-gwerra fl-Ukrajna vis a vis il-miri ambjentali Ewropej se jwasslu biex tinħoloq sitwazzjoni fejn, filwaqt li ħafna qegħdin jgħaġġlu biex jilħqu dawn il-miri, se tkun qiegħda titfa’ lill-Ewropa f’sitwazzjoni differenti minn dak li kien ippjanat. 

Mill-informazzjoni li tana hemm dik li l-Banek u l-industrija qegħdin jippreparaw għall-ħafna regolamenti li jirrregolaw dak li jissejjaħ rapportaġġ sostenibbli. Il-kunċett jaqa’ taħt dak li jissejjaħ Environmental Social Governance (ESG) u bħalissa l-attenzjoni ntefgħet biss kważi fuq ir-riskji tal-klima u l-ambjent, fejn ħafna qegħdin jaħdmu biex jifhmu l-portafolli u jibdew jirrapportaw dak li qegħdin jiffinzjaw. 

Huwa qal li ħafna qegħdin isibuh bħala suġġett attraenti ħafna u laqqmuh bħala d-demokratizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fejn il-kumpaniji jridu jibdew jirrapportaw fuq x’qegħdin jiffinanzjaw fejn jidħol ambjent, soċjal u governanza. 

“Meta tara l-qafas kollu kif qiegħed jinbena tinduna li dan qiegħed isir minħabba l-fatt li l-ambjent irid ikun imħares minħabba r-riskji tal-klima, saħansitra biex tkun illimitata t-theddida fuq is-sigurtà tal-klima. Hemm banek fejn il-biodiversità jagħtuha importanza kbira u proġetti li jaffetwaw il-biodiversità ma jiffinanzjawhomx”. 

Skarsità tal-ikel li twassal għal migrazzjoni tal-massa

L-ekonomist aċċenna għall-fatt li dawn it-tip ta’ limitazzjonjiet ikunu mdaħħla fil-prassi tal-banek u l-qafas tagħhom u jkunu wkoll magħmula pubblikament. Eżempju li ta huwa tal-estrazzjoni taż-żejt li tagħmel ħafna ħsara u għalhekk ħafna qegħdin jagħżlu li ma jiffinanzjawx dawn il-kumpaniji u jillimitaw il-kreditu u l-investimenti tagħhom f’dan is-settur. 

“Apparti minn hekk, is-sigurtà tal-klima tfisser li jekk se jkun hemm aktar nixfa f’ċertu żoni fl-Afrika u kontinenti oħra, se tagħmila aktar diffiċli biex tkabbar l-ikel. L-ikel diġà se jkun diffiċli minħabba s-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna u l-prezzijiet li qegħdin jogħlew, mill-inqas għax-xhur u s-snin li ġejjin. Dan se jwassal għal aktar konflitti u tensjoni soċjali li twassal għall-gwerer u anke immigrazzjoni tal-massa, dawk li jisseħju immigranti tal-klima,” temm Clint Flores. 

Sport