Manchester United rebħu l-FA Youth Cup għar-rekord ta’ 11-il darba quddiem l-akbar folla fl-istorja ta’ 70 sena tal-kompetizzjoni.
L-attendenza ta’ 67,492 spettatur f’Old Trafford għat-trijonf ta’ 3-1 fuq Nottingham Forest kienet kważi 30,000 aktar mill-aqwa ta’ qabel, f’Arsenal fl-2007.
Fl-istands kien hemm l-eks manager tal-United, Sir Alex Ferguson, flimkien mal- players tal-ewwel team, Bruno Fernandes, David De Gea u Harry Maguire kif ukoll Michael Carrick u Bryan Robson, biex fl-aħħar 13-il minuta raw lil Alejandro Garnacho jiskorja doppjetta deċiżiva.
Kien Rhys Bennett li fetaħ l-iskor fit-12-il minuta għall-United u Joshua Powell kiseb id-draw eżatt mal-mistrieħ.
Fit-78 minuta Garnacho, imsejjaħ fl-iskwadra tal-kbar tal-Arġentina f’Marzu, żamm il-kalma biex minn penalty kontroversjali għeleb lill-goalkeeper Aaron Bott, li ngħata minkejja li l-attakkant twaqqa’ barra ż-żona.
Imbagħad huwa ssiġilla r-rebħa fl-94 minuta meta qabeż fil-kaxxa, imbagħad ibbenefika minn devjazzjoni hekk kif il-ballun intemm fir-rokna tax-xibka.