Saturday, May 18, 2024

Giorgio Chiellini se jtemm servizz ta’ 17-il sena ma’ Juventus

Aqra wkoll

Id-difensur internazzjonali Taljan, Giorgio Chiellini, ikkonferma li se jħalli lil Juventus fi tmiem l-istaġun wara karriera ta’ 17-il sena.

Id-difensur ċentrali ta’ 37 sena rebaħ disa’ titli tas-Serie A, kif ukoll il-Coppa Italia ħames darbiet, minn meta ngħaqad mal-club mingħand Fiorentina fl-2005.

Juventus, li jinsabu r-raba’ fis-Serie A, ġew megħluba fil-finali tal-Coppa Italia minn Inter nhar l-Erbgħa filgħaxija.

Waqt li kien qed jitkellem wara t-telfa ta’ 4-2 fl-Olimpico ta’ Ruma, Chiellini qal: “Għamilt dak kollu li stajt, nittama li ħallejt xi ħaġa warajja.”

Chiellini rebaħ l-ewwel Scudetto tiegħu fl-2011-12, u kompla rebaħ disgħa konsekuttivi mal-club qabel it-trijonf ta’ Inter fl-istaġun li għadda.

“Kellna dawn l-10 snin mill-isbaħ – huwa f’idejn l-oħrajn li jkomplu issa,” huwa qal waqt li kien qed jikkummenta fuq it-te­leviżjoni wara l-finali.

“Nhar it-Tnejn se ngħid addio lil Juventus Stadium tiegħi, allura jekk għandi xi ħaġa fit-”tank” jista’ jkolli ċans nilgħab kontra Lazio. Hija 100% deċiżjoni tiegħi.”

It-team ta’ Massimiliano Allegri jinsab assigurat li jispiċċa mal-ewwel erbgħa meta fadal żewġ logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat, fejn it-Tnejn l-Bianconeri se jospitaw lil Lazio qabel jivvjaġġaw lejn Firenze fit-22 ta’ Mejju.

Chiellini kien diġà ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-football internazzjonali wara li l-Italja tilgħab kontra l-Arġentina f’Ġunju f’Wembley – l-istadium fejn l-Italja għelbet lill-Ingilterra biex tirbaħ il-finali tal-Euro 2020 fis-sajf li għadda.

Wara li ddebutta mal-Italja fl-2004, huwa jinsab fil-ħames post fil-lista ta’ kull żmien tal-players Taljani bl-aktar logħob, flimkien ma’ Andrea Pirlo.

Madankollu, għadu ma jafx jekk hux se jkompli jilgħab fuq livell ta’ club.

“Ma nafx,” qal Chiellini dwar il-futur tal-club tiegħu. “Għandi bżonn naħseb dwarha mal-familja tiegħi.

“Ninsab kuntent li nitlaq f’livell daqshekk għoli, għax għal snin twal kont ngħid li ma ridtx nispiċċa nissielet u ma nkunx kapaċi nilgħab fil-livell tiegħi.

“Tajt kollox. Dalwaqt se nkun l-akbar partitarju ta’ Juventus minn barra. Wara tant snin fi ħdan dan il-club, kulħadd se jibqa’ f’qalbi.”

Sport