Wednesday, July 24, 2024

MANIFEST LI JURI T-TRIQ ’IL QUDDIEM GĦAL PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Minn mindu l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern fl-2013, implimenta numru
ta’ miżuri soċjali, ekonomiċi u politiċi, li vvalorizzaw u taw saħħa liċ-ċittadin. Il-manifest elettorali tal-2022 huwa xhieda konkreta ta’ dan kollu.

Anke issa għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista nieda l-manifest biex il-poplu jkun jaf x’inhi l-viżjoni tal-Gvern kemm fuqbażi lokali kif ukoll fuq dik Ewropea.

Dan b’kuntrast mal-partit fl-oppożizzjoni illi s’issa għadu ma ħariġx bi proposti konkreti li jwasslu biex il-poplu jivvota għalih. S’issa ma rajna xejn ħlief billboards u propaganda oħra mibnija fuq tgħajjir ta’ korruzzjoni nieżla u korruzzjoni tielgħa.

U sadanittant, il-poplu jibqa’ ma jafx, x’beħsiebu joffru l-Partit Nazzjonalista. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ppreżenta 10 prinċipji f’dak li għandu x’jaqsam l-elezzjonijiet Ewropej u anke manifest għal kull lokal f’pajjiżna.

Ilbiraħtlula, il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed iniedi l-manifest, qal li dawn il-prinċipji u proposti se jkunu l-bażi li fuqhom l-Ewroparlamentari Laburisti
fil-Parlament Ewropew se jkunu qed iwettqu l-ħidma tagħhom.

Proposti li jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li diġà sar u jirranġaw fuq dak li seta’ sar aħjar. Din turi l-kontinwità politika li jemmen fiha l-Gvern Laburista. L-ewwel u l-ogħla prinċipju fil-manifest huwa Malta l-ewwel u sodi f’dak li jemmnu fih. Dan b’mod partikolari dwar il-ħidma favur Ewropa li tħares lejn il-ġustizzja soċjali,
Ewropa li tkun dejjem aktar solidali iżda dejjem bl-interessi ta’ pajjiżna fuq quddiem nett.

Barra minn hekk, il-manifest isemmi kif Malta se tibqa’ tkun promutur ewlieni tal-paċi anke fil-kuntest tan-newtralità ta’ pajjiżna. Proposti ewlenin oħra jinkludu l-kompetittività ta’ pajjiżna f’suq waħdieni Ewropew ġust, it-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni, il-konnettività b’saħħitha, Għawdex u l-użu tal-fondi Ewropej.

Fl-aħħar nett, il-manifest jitkellem dwar l-Unjoni Ewropea ta’ għada, fejn iridu jittieħdu deċiżjonijiet sensittivi u b’hekk iridu jittieħdu favur iċ-ċittadini Ewropej, inkluż dawk Maltin u Għawdxin.

Dan kollu joħroġ il-kuntrast kbir li hemm bejn iż-żewġ partiti ewlenin mhux biss filkuntest tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju imma wkoll fil-livell ta’ politika domestika u internazzjonali.

Ekonomija

Sport