Wednesday, July 24, 2024

Premier Ingliż: Man City għar-raba’ darba nfila jew Arsenal wara 20 sena?

Aqra wkoll

Dan tmiem il-ġimgħa se jkun l-10 wieħed li t-tit­lu tal-Premier League Ingliż se jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata tal-istaġun. Iżda qabel dawk inkarigati mill- kompetizzjoni għandhom ikunu tant grati għal kon­klużjoni mill-aktar eċċitanti tal-istaġun.

L-isfida ta’ Liverpool fl-aħħar spiċċat, fejn ixxejjen il-ħolm tal-partitarji tagħ­hom ta’ l-addio trijonfanti lill-manager, Jurgen Klopp, u l-prospett ta’ battalja bejn tlieta mingħajr preċedent li kellha tmur id-distanza kol­lha.

Iżda huma Manchester City jew Arsenal li se jiġu nkurunati champions fl-aħħar att ta’ dak li kien dwell klassiku.

Għada jista’ ma jipprovdix id-drama indimentikabbli tal-aħħar ġurnata tal-2012, meta l-goal rebbieħ fil-ħin miżjud ta’ Sergio Aguero ssiġilla l-ewwel titlu tal-Premier League lis-City. Iżda kemm jekk jispiċċawx b’poker ta’ titli konsekuttivi jew ikunx l-ewwel wieħed f’20 sena minn Arsenal, il-kapijiet tal-kampjonat, ix-xandara u n-newtrali se jkollhom il-finali speċjali li ttamaw għa­liha.

Madankollu, barra mill-ground, dawn kienu żminijiet inkwetanti għall-aqwa livell. It-tnaqqis tal-punti lil Everton u Nottingham Fo­rest dan l-istaġun minħabba ksur tar-regoli finanzjarji kienu kontenzjużi bil-kbir, il-pieni – u l-appelli sussegwenti – wasslu għal inċer­tezza fuq il-klassifika tal- kampjonat, riżentiment mill-partitarji u biżgħa li l-battalja tar-relegazzjoni tis­ta’ tiġi deċiża mid-deċiżjonijiet tal-panel tal-kummissjoni.

Filwaqt li ż-żewġ timijiet fl-aħħar mill-aħħar qagħdu, il-kontroversja dwar ir-re­goli dwar il-Profitt u s-Sostenibbiltà (PSR) mhix se tgħaddi.

Leicester City li għadhom kif ġew promossi ġew akkużati li kisru r-regoli tal- infiq meta kienu fl-ogħla livell (u issa qed jieħdu az­zjoni legali kontra l-kampjonat), filwaqt li Chelsea wkoll kienu taħt investigazzjoni.

Intant it-team ta’ Pep Guardiola se jilqa’ lil West Ham li ma jistgħux jergħu jkunu fl-Ewropa meta se jispiċċaw fid-disa’ post.

Għas-City se jkun nieqes il-goalkeeper Ederson li weġġa’ kontra Tottenham fost il-ġimgħa fejn anke se jitlef il-finali tal-FA Cup kontra Manchester United.

Anke Arsenal se jkunu f’darhom kontra Everton meta bħalissa jinsabu żewġ punti wara s-City. Iżda jekk dawn jiġu draw u l-Gunners jirbħu allura jkunu dawn li jirbħu t-titlu.

Liverpool se jkunu home wkoll meta l-viżitaturi huma Wolves li dan l-aħħar xejn ma jinsabu għaddejjin minn perjodu feliċi tant li anke fl-aħħar logħba f’darhom sfaw megħluba 3-1 minn Crystal Palace.

Ir-Reds se jkunu f’burdata li jiċċelebraw iż-żmien ta’ Klopp f’Anfield meta fi kważi disa’ snin rebaħ l-unu­ri kollha u għalhekk iridu jagħlqulu l-episodju tiegħu f’Merseyside fuq nota pjaċvoli.

Aston Villa, ċerti minn post fiċ-Champions League għall-ewwel darba, se jmorru għand it-team fil-forma, Crystal Palace, tant li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu ħames rebħiet u draw waqt li l-Villa ma tantx marru tajjeb b’żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet.

It-team fil-ħames post, Tottenham, se jmorru għand ir-relegati Sheffield United fejn punt ikun biżżejjed għalihom biex ikunu fl-Europa League għalkemm iridu jistennew l-finali tal-FA Cup biex jaraw jekk Manchester United jiħdulhomx posthom.

Mill-aħħar 12-il logħba kombinati bejn il-Blades u Spurs huma dawn tal-aħħar li ħadu l-uniku rebħa bej­niethom.

Chelsea, li dan l-aħħar qamu qawma fuq ruħhom mhux ħażin tant li telgħu fis-sitt post, se jiffaċċjaw lil Bournemouth fi Stamford Bridge. Huma se jkunu mingħajr il-captain Reece James li wara li tkeċċa kontra Brighton nhar l-Erbgħa huwa ġie sospiż erba’ logħbiet, waħda minnhom għax kien diġa’ tkeċċa darb’oħra dan l-istaġun.

Brighton ukoll se jkunu home biex jiltaqgħu kontra Manchester United għal­kemm dan ma kienx staġun bħal dawk li offrew f’dawn l-aħħar snin. Min-naħa tar-Red Devils huma ma jistgħux itejbu t-tmien post li jinsabu fih.

Newcastle, li ġejjin minn telfa sofferta ta’ 3-2 kontra l-United nhar l-Erbgħa meta ġew imċaħħda minn penalty fuq Anthony Gordon, se jmorru għand Brentford li anke huma naqqsu mil-li­vell li kienu fih fiż-żewġ staġuni ta’ qabel.

Burnley, li huma diġá re­legati, se jilagħbu kontra Nottm Forest f’Turf Moor, fejn irid isir terremot biex jiġu relegati, għalkemm jidhru salvi għal kollox. Biex isir dan Luton iridu jirbħu b’sitt goals u l-Forest jitilfu b’sitt goals ukoll. Kollox jista’ jsir fil-football. Iżda din hija impossibbli!!

Fl-aħħarnett niġu għal Luton kontra Fulham li se jiltaqgħu f’Kenilworth Road bil-forma tagħhom fl-aħħar sitt logħbiet ma kienx fiha x’tagħżel, Luton ħadu rebħa u draw u Fulham reb­ħa u żewġ draws.

B’hekk se jagħlaq is-siparju tal-Premier League li fl-istaġun li ġej se jilqa’ lura lil Leicester City u Ipswich Town b’Leeds United jiltaqgħu fil-finali tal-Play-off kontra r-rebbieħ bejn South­ampton u WBA.

Ekonomija

Sport