Il-kwistjoni dwar il-kontroversja ta’ manuskritti ta’ Vincenco Borg, magħruf bħala ‘Brared’, u Giorgio Mitrovich — mexxejja tal-Maltin fi żmien l-Imblokk tal-Franċiżi, liema kontroversja spiċċat quddiem il-Qorti. Dan wara li Simon Cusens kien offra l-ogħla prezz f’irkant pubbliku biex jikseb żewġ manuskritti ta’ valur storiku iżda hu spiċċa biex ma ħax dawn iż-żewġ manuskritti minħabba li s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, b’żewġ ordnijiet tat-28 ta’ Jannar tas-sena 2019, għarraf lill-irkantatur li huwa kien qiegħed jeżerċita l-jedd ta’ preferenza sabiex jieħu dawn il-manuskritti għalih minħabba valur ta’ patrimonju kulturali.
Il-Qorti tgħid li “Fis-26 ta’ Jannar tas-sena 2019 għaddiet korrispondenza elettronika interna fi ħdan Heritage Malta, fejn ġie propost li jkun jaqbel li jiġi eżerċitat il-jedd ta’ preferenza sabiex jiġu miksuba għadd ta’ manuskritti li kienu mistennija jinbiegħu f’irkant. Fost il-manuskritti msemmija kien hemm lott 305 li kien jolqot ġabra ta’ manuskritti ta’ George Mitrovich ta’ bejn is-snin 1818 u 1878, u lott 327 li kien dwar notamenti ta’ Vincenzo Borg (Brared) ta’ bejn is-snin 1798 u 1799. Ġara li ftit jiem wara, fit-28 ta’ Jannar, 2019, Kenneth Gambin minn Heritage Malta kiteb lis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali u talbu bex jeżerċita dan il-jedd ta’ preferenza fuq dawn il-manuskritti minħabba li dawn kienu ta’ valur nazzjonali. L-irkant inżamm mill-Belgravia Auction Gallery u dakinhar Cusens xeħet l-ogħla offerta biex jikseb Lott 305 u Lott 327. Madankollu kif jikkonferma l-irkantatur Joseph Sammut, huwa ġie notifikat b’żewġ ittri tas-Sovrintendent fejn infurmah li kien qiegħed jeżerċita l-jedd ta’ preferenza mogħti lilu bil-liġi biex jikseb dawn iż-żewġ lottijiet, ħalli b’hekk il-manuskritti jiġu jagħmlu parti mill-kollezzjoni nazzjonali.”
Il-Qorti qalet li “Peress li ġie eżerċitat il-jedd ta’ preferenza, dawn iż-żewġ lottijiet spiċċaw għand l-istat. Għal-lott 305 ġew imħallsa €750 u għal-lott 327 ġew imħallsa €2,700; irċevuti tal-ħlas ġew ippreżentati minn Heritage Malta. Cusens kien ressaq protest ġudizzjarju fl-1 ta’ Frar 2019 kontra s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali iżda dan tal-aħħar ma tax kasu u fid-19 ta’ Ġunju, 2019 imbagħad infetħet din il-kawża minn Simon Cusens sabiex iż-żewġ ordnijiet tat-28 ta’ Jannar 2019, maħruġa mis-Sovrintendent konvenut dwar l-eżerċizzju tal-jedd ta’ preferenza, jiġu mħassra.”
Il-Qorti qalet li: “Il-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, l-Avukat Joseph M. Buttigieg, stqarr fl-affidavit tiegħu li f’laqgħa miżmuma fid-9 ta’ Ottubru tas-sena 2020, il-membri kollha tal-Kumitat qablu b’mod unanimu li dawn il-manuskritti għandhom jiġu akkwistati. Il-Ministru Owen Bonnici, li kien il-ministru responsabbli mill-Patrimonju Kulturali bejn l-2014 u l-2020 stqarr ukoll f’affidavit li wara li kien tkellem mas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, mad-diriġenti ta’ Heritage Malta u mal-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, aċċetta u approva li għandu jsir dan l-akkwist.
Il-Qorti qalet li Cusens fil-proċeduri tiegħu rabat in-nullità tad-deċiżjonijiet tas-Sovrintendent dwar l-użu tal-jedd ta’ preferenza fil-bejgħ bl-irkant mal-artikolu 469A(1)(b)(ii) u (iv) tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dawn iż-żewġ subinċiżi jgħidu li għemil amministrattiv għandu jitqies bħala ultra vires u b’hekk jista’ jiġi mħassar mill-Qorti, jekk jinstab li l-awtorità pubblika tkun naqset milli timxi mal-prinċipji ta’ ġustizzja naturali jew ma’ xi ħtieġa proċedurali; jew inkella jekk dak l-għemil imur kontra l-liġi. Mis-sottomissjonijiet imressqa minn Cusens joħroġ ċar li huwa mhux qiegħed jikkontesta l-kunċett tal-jedd ta’ preferenza li bil-liġi huwa mogħti lis-Sovrintendent biex jikseb oġġetti li huma meqjusa bħala parti mill-Patrimonju Kulturali. Wara kollox, il-jedd ta’ stat li jikkonserva, iħares u jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku l-Patrimonju Kulturali tal-pajjiż huwa jedd li huwa rikonoxxut ukoll mill-organi ġudizzjarji tal-Kunsill tal-Ewropa”.
“Hekk ukoll, jirriżulta li Cusens mhux qiegħed imeri l-fatt li l-lottijiet 305 u 327, li nbiegħu fl-irkant inkwistjoni, jolqtu manuskritti li huma ta’ valur importanti għall-patrimonju kulturali Malti. Fil-fatt huwa mhuwiex qiegħed jgħid li s-Sovrintendent konvenut ma kellux raġuni tajba biex jeżerċita l-jedd ta’ preferenza. Li qiegħed jgħid Cusens huwa li s-Sovrindentent ma setax jeżerċita dan il-jedd bla ma jkollu minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-patrimonju u tal-Kumitat ta’ Garanzija”. Il-Qorti qalet li “L-akkuża ta’ Cusens hija waħda ta’ ultra vires proċedurali (i.e. li l-jedd ta’ preferenza ma ġiex eżerċitat skont il-proċedura t-tajba)”.
“Kemm il-ministru BONNICI, KIF UKOLL IL-PRESIDENT TAL-KUMITAT TA’ GARANZIJA, QABLU MAS-SOVRINTENDENT KONVENUT LI KIEN FL-INTERESS NAZZJONALI LI DAWN IL-MANUSKRITTI JIĠU AKKWISTATI MILL-ISTAT”
Il-Qorti
Il-Qorti qalet li hu fatt li “Titlob li l-jedd ta’ preferenza eżerċitat mis-Sovrintendent kellu bżonn li jkun approvat mill-Ministru b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Garanzija. Il-liġi ma tgħidx li din l-approvazzjoni tal-Ministru għandha ssir bilfors bil-miktub. Għalhekk din il-Qorti qiegħda tifhem li din l-approvazzjoni min-naħa tal-Ministru tista’ ssir ukoll bil-fomm, għalkemm din il-Qorti tħoss li jkun ferm aħjar li approvazzjoni bħal din tiġi reġistrata bil-miktub. Appuntu fil-każ tal-lum, is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, Joe Magro Conti, xehed quddiem il-Qorti fis-seduti tas-6 ta’ Frar 2020 u tat-23 ta’ Settembru 2020, u sostna li huwa kellu l-approvazzjoni bil-fomm mill-Ministru sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita l-jedd ta’ preferenza. Madankollu l-Avukat Owen Bonnici, il-Ministru ta’ dak iż-żmien, qal fl-affidavit tiegħu li kien bejn Frar u Novembru 2019 li huwa tkellem mas-Sovrintendent dwar il-jedd ta’ preferenza mertu ta’ din il-kawża. Billi l-bejgħ bl-irkant sar fit-28 ta’ Jannar 2019 u l-Ministru Bonnici ħalef li s-Sovrintendent kellmu dwar dan il-jedd ta’ preferenza minn Frar 2019 ‘il quddiem, dan ifisser li fil-mument li s-Sovrintendent eżerċita l-jedd ta’ preferenza f’Jannar 2019 huwa ma kellux l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-Ministru Bonnici”.
Il-Qorti qalet ukoll li “Minbarra dan, il-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, l-Avukat Joseph M. Buttigieg, qal fl-affidavit tiegħu li l-akkwist ta’ dawn id-dokumenti ġie approvat unanimament mill-Kumitat fid-9 ta’ Ottubru 2020, viz. aktar minn sena u tmien xhur wara li seħħ l-irkant. Ifisser dan, li anke jekk is-Sovrintendent seta’ kellu l-approvazzjoni verbali tal-Ministru Bonnici bejn Frar u Novembru 2019 biex jeżerċita l-jedd ta’ preferenza, madankollu l-approvazzjoni mogħtija mill-Ministru Bonnici ma saritx b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Garanzija għaliex il-Kumitat ta d-deċiżjoni tiegħu biss fis-9 ta’ Ottubru, 2020”.
Il-Qorti qalet li “Minn dan l-aspett għalhekk l-attur huwa għalkollox korrett meta jgħid li s-Sovrintendent ma kellux l-approvazzjoni msemmija fl-artikolu 40 tal-Kap 445 tal-Liġijiet ta’ Malta, meta huwa ħareġ l-ittri tat-28 ta’ Jannar 2019 biex juża l-jedd ta’ preferenza fil-konfront ta’ lottijiet 305 u 327 mibjugħa fl-irkant. Xogħol il-Qorti però ma jiqafx hawnhekk. Dan għax ħareġ mix-xhieda tal-Ministru Bonnici u mix-xhieda tal-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, li anke jekk tard ħafna, din l-approvazzjoni formali ngħatat wara li nfetħet din il-kawża. Tant u hekk, li kemm il-Ministru Bonnici, kif ukoll il-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, qablu mas-Sovrintendent konvenut li kien fl-interess nazzjonali li dawn il-manuskritti jiġu akkwistati mill-istat. Għalhekk, il-mistoqsija li trid tiġi mwieġba mill-qorti hija: jekk il-jedd ta’ preferenza tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali jistax jiġi approvat mill-Ministru b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Garanzija wara li dan ikun ġie eżerċitat?”.
“HU ĊAR F’GĦAJNEJN IL-QORTI LI L-GĦANIJIET WARA L-KAP. 445 TAL-LIĠIJIET TA’ MALTA HUMA L-ĦARSIEN, IT-TGAWDIJA, L-AĊĊESSIBILTÀ U L-PROMOZZJONI TAL-PATRIMONJU KULTURALI F’PAJJIŻNA”
Il-Qorti
Fis-sentenza ntqal li: “Il-Qorti tabilħaqq temmen li l-leġiżlatur ried li jinvolvi lill-Ministru u lill-Kumitat ta’ Garanzija bħala mezz ta’ kontroll fuq kif is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali jagħżel li jeżerċita l-jedd ta’ preferenza li huwa mogħti lilu bil-liġi. Wieħed ma jridx jinsa hawnhekk li s-Sovrintendent konvenut jirrappreżenta lill-istat u għalhekk kull deċiżjoni meħuda minnu għandha s-saħħa li torbot lill-istat. Iżda fejn jidħol l-eżerċizzju tal-jedd ta’ preferenza, il-leġiżlatur deherlu li dan il-jedd mogħti lis-Sovrintendent għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Ministru, wara li dan ikun ikkonsulta lill-Kumitat tal-Għażla. Il-Qorti tifhem li peress li l-użu tal-jedd ta’ preferenza tas-Sovrintendent jista’ jolqot il-jeddijiet ta’ proprjetà ta’ terzi u jista’ jaffettwa wkoll il-finanzi pubbliċi, il-leġiżlatur ried li fi ħwejjeġ bħal dawn is-Sovrintendent m’għandux jitħalla jiddeċiedi waħdu, b’dana li biex jorbot lill-istat huwa għandu jikseb l-approvazzjoni tal-Ministru”.
“Fil-każ tal-lum, il-Ministru Bonnici u l-Kumitat tal-Garanzija approvaw il-jedd ta’ preferenza li s-Sovrintendent konvenut eżerċita fuq il-bejgħ ta’ lott 305 u 327, iżda kif fuq imfisser din l-approvazzjoni ngħatat wara u mhux qabel li ġie eżerċitat il-jedd ta’ preferenza. Hu ċar f’għajnejn il-Qorti li l-għanijiet wara l-Kap. 445 tal-Liġijiet ta’ Malta huma l-ħarsien, it-tgawdija, l-aċċessibbilità u l-promozzjoni tal-Patrimonju Kulturali f’pajjiżna. Għalhekk, żgur u mhux forsi, mhuwiex fl-iskop tal-liġi li oġġett ma jispiċċax fil-kollezzjoni nazzjonali għall-fatt biss li l-approvazzjoni għall-akkwist tiegħu min-naħa tal-Ministru ssir wara li dan jiġi akkwistat u mhux qabel”.
“Naturalment kienet tkun storja differenti li kieku l-Ministru ma approvax l-akkwist. Cusens kien ikollu tabilħaqq raġuni talba li jitlob it-tħassir tal-jedd ta’ preferenza eżerċitat mis-Sovrintendent konvenut li kieku l-Ministru oppona għall-akkwist. Dan għax bil-liġi l-Istat ma jistax jitqies bħala marbut mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministru. Madankollu, ladarba fil-każ tal-lum, l-approvazzjoni tal-Ministru nkisbet biex isir dan l-akkwist, anke jekk ħafna żmien wara, l-akkwist ma jistax jiġi annullat”.
“L-INTERESS PRIVAT F’OĠĠETTI TA’ PATRIMONJU KULTURALI, MA JISTA’ QATT JEGĦLEB L-INTERESS NAZZJONALI LI OĠĠETT BĦAL DAN JIĠI MGAWDI MILL-PUBBLIKU KOLLU”
Il-Qorti
Il-Qorti qalet li: “Il-Qorti tapprezza li l-attur kien ħerqan u mxennaq biex jikseb l-manuskritti li nbiegħu fl-irkant biex jagħmilhom parti mill-kollezzjoni privata tiegħu. Li tħobb u ġġemma’ ħwejjeġ storiċi hija xi ħaġa tajba u ta’ ġieħ. Però, l-interess privat f’oġġetti ta’ Patrimonju Kulturali, sabiħ kemm jista’ jkun sabiħ, ma jista’ qatt jegħleb l-interess nazzjonali li oġġett bħal dan jiġi mgawdi mill-pubbliku kollu u mhux biss minn dawk il-ftit ixxurtjati li jkollhom il-pussess privat ta’ dak l-oġġett.”
Il-Qorti saħqet li “Meta nfetħet il-kawża fid-19 ta’ Ġunju tas-sena 2019, il-Ministru Bonnici kien għadu ma kkonsultax mal-Kumitat ta’ Garanzija għaliex il-Kumitat iddeċieda biss fuq il-kwistjoni fid-9 ta’ Ottubru 2020. L-obbligu li tinġieb l-approvazzjoni tal-Ministru u l-obbligu li wieħed jagħfas lill-Ministru biex dan ifittex jikkonsulta mal-Kumitat ta’ Garanzija qabel jagħti l-approvazzjoni tiegħu, jaqgħu fuq is-Sovrintendent. F’dan il-każ ħareġ ċar li s-Sovrintendent dam aktar minn sena u tmien xhur biex ġab din l-approvazzjoni tal-Ministru b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Garanzija. Għalkemm kif ingħad aktar qabel dan il-fatt waħdu ta’ dewmien ma jħassarx il-jedd ta’ preferenza eżerċitat mis-Sovrintendent konvenut, madankollu, tul ta’ żmien bħal dan huwa ħażin u jirrifletti nuqqas ta’ kont u nuqqas ta’ effiċjenza min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Dan aktar u aktar meta wieħed iqis li kellha tkun biss din il-kawża li fl-aħħar mill-aħħar ċaqalqet lill-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu dak li huwa mitlub minnhom li jagħmlu skont il-liġi. Bix-xieraq għalhekk li l-ispejjeż tal-kawża għandu jerfagħhom kollha s-Sovrintendent. Il-Qorti iddeċidiet din il-kawża billi ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Cusens.