Saturday, November 23, 2024

Mar jisraq skola u ħalla l-passaport warajh

Aqra wkoll

Abdeladeim Al Shuhumi, Libjan ta’ 41 sena li fil-Qorti qal li m’għandux residenza baqa’ jinżamm arrestat wara li kien mixli b’serqa minn San Ġiljan. Hu kien akkużat ukoll li kien fis-sakra f’post pubbliku,

Il-Prosekuzzjoni akkużat lil Libjan quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li fit-12 ta’ Novembru li għadda waqt li kien San Ġiljan seraq mobile ta’ mara u anke arloġġ minn skola tal-lingwi.

L-akkużat kien ġie arrestat nhar il-Ħamis li għadda hekk kif instab rieqed f’karozza pparkjata. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-karozza li kien fiha ma kientx tiegħu. Il-Pulizija ndunaw min hu minħabba li kienu għadhom kemm raw wiċċu minn fuq filmati tas-sigurtà li hemm madwar l-iskola. L-investigaturi kienu jafu wkoll min hu minħabba li waqt li allegatament kien qiegħed iwettaq is-serqa mill-iskola ħalla l-passaport tiegħu warajh.

Al Shuhumi wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat difensur Martin Fenech talab biex il-klijent tiegħu jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda li fi kliemu l-fedina penali tiegħu kienet nadifa. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwi għal dan minħabba biża’ ta’ ntralċ ta’ provi.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li hu għandu jibqa’ jinżamm arrestat fil-Ħabs ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman u mill-Avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Giuliana Magro Conti.

Sport