Friday, November 1, 2024

Mar jistaħba fi statel fil-Marsa wara li qabbad karozza

Jinżamm arrestat wara li kien mixli li ħaraq karozza f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena residenti l-Mosta nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li ħaraq karozza tat-tip BMW f’Ħal Qormi fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Marzu li għadda. 

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li Jonathan Zammit ġie mixli li għall-ħabta tal-4:20 a.m tal-20 ta’ Marzu ta n-nar lill-karozza li kienet ipparkjata fi Triq Ġużè Duca, f’Ħal Qormi. Il-Pulizija flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Civili ntalbu sabiex jassistu fuq il-post. 

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li kif intefa’ n-nar, bdiet l-investigazzjoni. Minn stħarriġ illi sar, ġew analizzati diversi filmati tas-sigurtà. Minnhom irriżulta li l-persuna li ta n-nar fuq il-karozza tat-tip BMW uża torċ. 

Xehdet ukoll li wara li saret tfittxija għall-persuna fil-Marsa, il-Pulizija rnexxielha ssib lil Zammit li kien mistoħbi fi stalel taż-żwiemel. Fl-istess post nstabu l-ħwejjeġ li kien liebes meta deher jaħraq il-karozza u l-petrol li bih qabbad l-istess karozza. 

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u pprojbietu milli javviċina lis-sidien tal-karozzi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Sciberras u James Mallia flimkien mal-Avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Alessandro Lia deher għal Zammit.

Sport